104 sena ilu twieled Alfredo Foni!

MatthewJuve Uncategorised Leave a Comment

Bħal-lum 104 sena ilu, preċiżment fl-20 ta’ Jannar 1911, twieled Alfredo Foni, difensur leġġendarju ta’ Juventus tat-Tletinijiet u l-Erbgħinijiet. Flimkien ma’ Rava kien jifforma waħda mill-aqwa koppji difensivi fl-istorja tal-futbol Taljan u rebaħ diversi unuri kemm ma’ Juventus kif ukoll mal-Italja.

Id-debutt tiegħu ma’ Juventus imur lura għat-30 ta’ Settembru 1934 u b’kollox, sal-1947, hu libes il-flokk ta’ Juventus għal 304 darba. L-aħħar partita tiegħu ma’ Juventus kienet fid-derby kontra Torino fl-1947, liema partita rat lill-Bianconeri jitilfu bl-iskor ta’ 0-1. Hu jibqa’ magħruf għax għal seba’ kampjonati infila, mill-1935 sal-1943 hu qatt ma tilef partita waħda ta’ Juventus. Kienet serje ta’ 229 partita konsekuttiva, bl-aħħar waħda tkun f’derby kontra t-tim leġġendarju ta’ Torino, il-Gran Torino, li kien se jirbaħ l-ewwel minn ħames scudetti konsekuttivi. Ġimgħa wara dan id-derby, Foni ma setgħax jinżel fil-grawnd kontra t-tim ta’ Liguria peress li kellu jwieġeb għal sejħa mill-awtoritajiet militari tal-pajjiż fiż-żminijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fi kliem ieħor ir-rekord tiegħu waqaf ħesrem minħabba impenn militari. Min jaf, forsi mingħajr il-gwerra, din is-serje ta’ 229 partita konsekuttiva setgħet kienet ferm itwal.

L-unuri li rebaħ mal-Bianconeri kienu: 1 scudetto fl-1935 u 2 Coppa Italia.

Kellu karriera mill-aqwa anki mat-tim nazzjonali Taljan. Hu u Rava huma l-uniċi plejers Taljani li qatt rebħu l-medalja tad-deheb fl-Olimpijadi (1936) u t-Tazza tad-Dinja (1938).

Wara li temm il-karriera ta’ plejer, Foni beda dik ta’ kowċ. Hu kiseb suċċessi ma’ Inter (2 scudetti) u Roma (Tazza tal-Fieri). Wara mexxa anki l-Italja bejn 1954-58. Mal-Azzurri ma kellux wisq success tant li l-Italja ma kkwalifikatx għat-Tazza tad-Dinja 1958.

Forsi llum ftit li xejn nafu dwar Foni. Għex fi żmien meta t-tv ma kinitx tittrasmetti l-partiti u allura għalina hu diffiċli li nifhmu min kien eżattament Foni. Jibqa’ l-fatt li hu libes il-flokk ta’ Juventus u għamlilna unur. Kellu karriera twila ta’ 11-il sena ma’ Juventus u x-xhieda kollha li għandna dwaru tagħtina stampa ta’ difensur bravu, attent u korrett. Tajjeb ngħidu li hu qatt ma ġie sospiż. Fuq kollox però hu plejer li kien denju li jilbes il-flokk ta’ Juventus u f’kull ċirkostanza libsu bil-mod kif jixraq lill-istorja Bianconera.

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *