Juventus-Borussia Dortmund. Sfida mimlija storja

MatthewJuve News Leave a Comment

Il-konfront bejn Juventus u Borussia Dortmund fir-rawnd tal-Aħħar Sittax se jkun wieħed li se jfakkarna f’ħafna sfidi bejn it-timijiet fis-Snin Disgħin. Dak iż-żmien it-timijiet lagħbu kontra xulxin diversi drabi u saħansitra sfidaw lil xulxin f’żewġ finali tal-kompetizzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk kien proprju fl-isfidi bejn Juventus u Borussia twieldu l-famużi gowls ‘a la Del Piero’, kif ukoll servew sabiex Juventus bigħu ħafna plejers tagħhom lit-tim Ġermaniż.

Il-finali tat-Tazza UEFA
L-ewwel konfront bejn Juventus u Borussia jmur lura għal 1993 meta t-timijiet lagħbu kontra xulxin fil-finali tat-Tazza UEFA. Dik il-ħabta l-finali kienet fuq żewġ partiti. Il-Bianconeri kienu rebħu t-Tazza UEFA billi l-ewwel għelbu lil Borussia f’darhom bl-iskor ta’ 1-3 u wara reġgħu kisbu rebħa oħra ta’ 3-0 fl-istadio Delle Alpi.

Is-Semifinali tal-1995
Sentejn wara Juventus u Borussia reġgħu ltaqgħu. Din id-darba kien f’Semifinali tat-Tazza Uefa. L-ewwel partita ntlagħbet fl-Italja, b’Juventus li kienu għażlu li jilagħbuha f’San Siro ta’ Milan minflok fid-Delle Alpi minħabba diżgwid mal-awtoritajiet tal-belt ta’ Turin li ma ridux jagħtuhom permess jibnu l-istadium tagħhom (dak li llum hu l-Juventus Stadium). F’San Siro Juventus u Borussia spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Deher li l-kwalifikazzjoni kienet kompromessa iżda fil-Ġermanja l-Bianconeri rebħu 2-1 b’gowls ta’ Porrini u Roberto Baggio. Hekk it-tim Juventin għadda għall-Finali, liema Finali ntrebħet però minn Parma.

L-ewwel darba fiċ-Champions League
Fit-13 ta’ Settembru 1995 kellna l-ewwel konfront fiċ-Champions League. Juventus u Borussia kienu avversarji fil-fażi tal-gruppi. Għal darb’oħra fil-Ġermanja, Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. Dakinhar kellna l-bidu uffiċjali tal-gowls ‘a la Del Piero’. It-tieni sfida, imbagħad rat lil Borussia Dortmund jirbħu 2-1 fid-Delle Alpi, għalkemm tajjeb ngħidu li Juventus kienu diġà kkwalifikati u allura ma tantx kellhom interess fil-partita.

Il-misħuta finali
L-aħħar sfida bejn iż-żewġ timijiet tmur lura għat-28 ta’ Mejju 1997. Dakinhar intlagħbet xejn inqas mill-Finali taċ-Champions League. Juventus kienu l-favoriti nett fuq il-karta peress li kellhom skwadra qawwija b’Del Piero, Zidane u bella kumpanija. Mill-banda l-oħra Borussia kellhom diversi eks-plejers Bianconeri li kienu dehru li waslu fi tmiem il-karriera tagħhom (Julio Cesar, Reuter, Moeller, Kohler u Paulo Sousa). Id-destin ried però li dakinhar Borussia kellhom wirja perfetta għall-kuntrarju ta’ Peruzzi li kien eċitat ferm bit-twelid tat-tifla tiegħu propju l-lejla ta’ qabel. Borussia rebħu dak il-konfront bl-iskor ta’ 3-1, imma anki hawn kellna gowl kbir ieħor ta’ Del Piero li kien skorja bit-takkuna. Interessanti li f’dik il-finali kien skorja doppja Riedle. L-istess Riedle kien parti miċ-ċerimonja tal-poloz għar-rawnd tal-Aħħar Sittax tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Komplessivament Juventus u Borussia Dortmund iltaqgħu 7 darbiet. Juventus rebħu 4 konfronti, filwaqt li 2 partiti raw lil Borussia rebbieħa. Ovvjament Borussia rebħu l-iktar partita importanti minn dawn is-sebgħa, jiġifieri l-Finali tal-1997.

Kurżità tal-aħħar, anzi tnejn
Ir-rabta ta’ Juventus ma’ Dortmund, jew aħjar mal-belt ta’ Dortmund, ma tiqafx hawn. Fl-2003 Juventus lagħbu f’Dortmund kontra Galatsaray minħabba inkwiet fit-Turkija. Dakinhar Galatasaray rebħu 2-0 kontra Juventus li kienu diġà għaddew għall-fażi li jmiss.

Finalment f’Dortmund fl-2006 inżammet is-Semifinali tat-Tazza tad-Dinja bejn Italja u Ġermanja. L-iskor finali kien ta’ 2-1 favur l-Italja bil-gowls ta’ Fabio Grosso u Alex Del Piero.

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *