Aħbarijiet tal-Calciomercato (31 ta’ Diċembru 2014)

MatthewJuve News Leave a Comment

Montoya diffiċli immens
Wara li lbieraħ it-Tribunal tal-Arbitraġġ tal-Isports ikkonferma s-sentenza tal-FIFA li se żżomm lil Barcellona milli tagħmel akkwisti ġodda sal-2016, jidher li l-akkwist ta’ Montoya issa hu kkumplikat ferm. Fil-fatt Barcellona mhux se jkunu jixtru plejers għajr dawk bla kuntratt. Għaldaqstant huma mhux se jbigħu lil Montoya malajr peress li mhux se jkun faċli għalihom li jsibu sostitut għalih.

Giovinco segwit minn 3 klabbs Franċiżi
O.Lyon, O.Marseille u Monaco huma rappurtati li jinsabu interessati li jiksbu s-servizzi ta’ Sebastian Giovinco. Il-klabbs Franċiżi jemmnu ħafna fih u lesti jiggarantulu post mal-ewwel ħdax tagħhom. Intant fl-Italja jidher li anki Bologna qed isegwu lil Giovinco.

Interessati f’Poulsen
Il-gazzetta ‘Bild’ tat l-aħbar li Juventus tefgħu għajnejhom fuq l-attakkant ta’ Red Bull Lipsia, Yussuf Poulsen. Hu għad għandu 20 sena u din is-sena skorja 8 gowls f’19-il partita. Intant uffiċċjal ta’ Lipsia stqarr li huma ma jridux ibigħuh għalissa.

Liverpool jiddefsu għal Shaqiri u Lavezzi
Hemm anki Liverpool li fl-aħħar sigħat bdew il-kuntatti għall-akkwist ta’ Shaqiri jew Lavezzi. Huma qed jippruvaw jagħmlu minn kollox sabiex jeħilsu minn Balotelli u jixtru wieħed minn dawn it-tnejn. Madankollu jidher li l-ewwel preferenza kemm ta’ Lavezzi kif ukoll ta’ Shaqiri hi li jilagħbu fis-Serie A.

Rolando. Jindaħlu Roma fin-nofs
Tkompli r-rivalità bejn Juventus u Roma fil-calciomercato. Fil-fatt sar magħruf li anki Roma tħajru għal Rolando ta’ Porto li qed jiġi negozjat minn Juventus. L-indħil ta’ Ruma jista’ jwassal biex in-negozjati bejn Juventus u Porto jsiru iktar ikkumplikati milli diġà huma.

Nastasic misluf lil Schalke 04
Jonqof biss li tingħata l-aħbar uffiċjali: Nastasic se jsellem lil Manchester City u se jingħaqad b’self ma’ Schalke 04. Nastasic għal żmien twil kien fil-mira ta’ Juventus.

Lichtsteiner fil-mira ta’ Manchester City
Anki Manchester City huma interessati ferm li jiksbu s-servizzi ta’ Stephan Lichtsteiner. ‘Tuttosport’ tkompli tirraporta li hu jinsab miftiehem ma’ Juventus għall-kuntratt il-ġdid tiegħu. Madankollu l-aħbar mhux qed tkun konfermata minn Juventus u allura l-klabbs l-oħra qed ikomplu jittamaw li jieħduh b’xejn fis-sajf.

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *