Deċiżjoni inevitabbli!

MatthewJuve News Leave a Comment

Nibda bil-premessa li kull supporter Juventin għandu jkun grat għal dak kollu li Allegri għamel għal Juventus f’dawn l-aħħar ħames snin. Żgur li ismu se jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ Juventus u li se jkun diffiċli għal kulħadd li jirrepeti dak li għamel hu: 11-il trofew f’ħames snin.

Fl-istess waqt, min isegwi regolarment dil-website jaf sew li dejjem sostnejt li kien wasal iż-żmien tal-bidla għal numru ta’ raġunijiet. Qabelxejn ħames snin huma ħafna u ftit kowċis ikollhom il-privileġġ li jdumu daqshekk fit-tul imexxu lill-istess tim. Allegri beda l-ewwel sena b’umiltà kbira u kompla jibni fuq ix-xogħol ta’ Conte. Mar qrib ferm li jirbaħ it-triplete. Minn dak il-punt ‘il quddiem Allegri qatt ma rnexxilu jagħti qabża ta’ kwalità lit-tim, la f’termini ta’ riżultati (għax iċ-Champions League qatt ma waslet minkejja li xtrawlu wħud mill-aqwa plejers fid-dinja) u wisq inqas f’termini ta’ logħob. Min isostni li jgħoddu biss ir-riżultati u mhux il-logħob naħseb ikun qed jinsa li fl-Ewropa jirbaħ minn jilgħab futbol offensiv u jipprova jirbaħ il-partiti. Allegri qatt ma fehemha din u anzi ħadha kontra kulmin ipprova jressaq kritika kostruttiva. Bil-kwalità tal-plejers li kellu fit-tim ma kellhiex tkun daqshekk diffiċli li juri futbol isbaħ!

Dwar iċ-Champions League, hu veru li ma tista’ tistenna minn l-ebda kowċ li jrebbaħlek 100% il-kompetizzjoni. Guardiola stess, li tant qed jissemma, ma rebaħhiex ma’ Bayern u ma’ Manchester City. Hi kompetizzjoni tqila ferm. It-tort ta’ Allegri hu semmai li dis-sena Juventus m’għamlux kulma setgħu biex jippruvaw jirbħu l-kompetizzjoni. L-atteġġament tat-tim fil-grawnd kien spiss ħażin u tlifna anki kontra timijiet ferm inferjuri għalina bħall-Young Boys. Li ma tirbaħ it-tazza nifhmuha. Li ma tagħmilx dak kollu li hu possibbli biex tirbaħha (meta għandek plejer bħal Ronaldo fit-tim) hu inaċċettabbli.

Forsi xi wħud jistgħu jgħidu: it-tort tad-disfatta Ewropea ta’ dis-sena hu biss ta’ Allegri? Le, ovvja li le. Diversi plejers ma tawx l-aqwa tagħhom. Jekk hu veru li Allegri f’dawn il-jumejn talab il-bejgħ ta’ Dybala, Cancelo, Mandzukic, Alex Sandro u Douglas Costa żbalja bil-kbir għax mhux faċli li tibdel nofs tim. Il-verità hi li hu iktar faċli li tibdel il-kowċ u ġġib lil xi ħadd minfloku li jagħraf jimmotivahom. Nedved kien ċar fi kliemu l-Ħadd li għadda: il-kwalità tal-plejers fit-tim hi waħda tajba ferm. M’hemmx bżonn taqlib kbir fit-tim. Biżżejjed ikollna lil xi ħadd li jilgħab lill-plejers f’posthom (tipo Dybala attakkant u mhux midfielder). Biżżejjed li jkollna kowċ li ma jidħolx f’kunflitti kontinwi mal-plejers. Fuq kollox hu biżżejjed li jkollna kowċ b’metodi ta’ training li ma jesponux lill-plejers għal injuries kontinwi.

L-aħħar punt, u dan tassew inħoss li ftit li xejn issemma, hu marbut mal-kunċett li dejjem sostnejna: ħadd mhu ikbar mill-klabb. Li kieku Juventus aċċettaw li joqogħdu għall-kundizzjonijiet ta’ Allegri, kienu jagħtuh poter kbir li ma’ Juventus ħadd qatt ma’ kellu. Id-DNA ta’ klabb ma jistax jinbidel u nemmen li finalment l-aktar ħaġa li urtat lil Agnelli-Nedved-Paratici kienet proprju r-rieda ta’ Allegri li jingħata setgħat li tradizzjonalment ma’ Juventus dejjem kienu fdat f’idejn ħaddieħor.

Grazzi ta’ kollox, Allegri! Awguri lill-kowċ il-ġdid, ikun min ikun!

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *