Għalfejn jista’ jkun Pep Guardiola l-kowċ il-ġdid ta’ Juventus

MatthewJuve News 1 Comment

L-istorja li se nwasslulkom dwar Pep Guardiola ftit li xejn sabet spazju fil-ġurnaliżmu mainstream Taljan (biex niftehmu it-tliet gazzetti tal-isports u Sky). Hi storja mibnija fuq dak li kitbu ġurnalisti oħrajn, uħud minnhom lanqas biss ma huma ġurnalisti sportivi kif se naraw.

L-istorja tibda għall-ħabta ta’ Frar meta Luca Momblano, ġurnalist Taljan li spiss ikun fuq stazzjoni jismu Top Calcio ( u li sena ilu kien minn tal-ewwel li semma lil Ronaldo ma’ Juventus), ta l-aħbar li Juventus kienu bdew il-kuntatti ma’ Guardiola. Fil-passat Paratici kemm-il darba kien kellem lil Guardiola, biss kien biss fi Frar li għadda li għall-ewwel darba Guardiola wera x-xewqa li jaċċetta. U minn hemm bdew in-negozjati sigrieta. Ix-xahar ta’ Frar mhix kumbinazzjoni. Fil-fatt ma rridux ninsew li kien f’dak iż-żmien li Juventus tilfu kontra Atletico Madrid u kien hemm l-għidut li Allegri ried jirriżenja.

F’Marzu, imbagħad, jidħol fix-xena ġurnalist Taljan ta’ Il Giornale, Luigi Guelpa. Guelpa hu espert tal-politika u l-affarijiet barranin fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika. Waqt żjara fil-Kajr hu ltaqa’ ma’ uffiċċjal għoli ta’ Bank Taljan ferm qrib il-Familja Agnelli. Dil-persuna żvelat ma’ Guelpa li Juventus kien se jkollhom lil Guardiola bħala kowċ mill-istaġun 2019/20. Kif qed taraw, Guelpa u Momblamo, li ma jafux lil xulxin, qabel fi kliemhom. Barra minn hekk Guelpa m’għandu l-ebda raġuni li jivvinta storja f’kamp li mhux tiegħu, anzi fl-eventwalità li jinqabad f’gidba seta’ jitlef il-kredibbiltà fil-kamp tiegħu stess! L-istess nistgħu ngħidu għal Alias Vaugh li taħdem għal Bloomberg dwar kwisjtonijiet ekonomiċi u li kkonfermat li anki f-ambjent finanzjarju Amerikan hemm ċertezza li Guardiola se jkun l-eredi ta’ Allegri ma’ Juventus. L-istess jgħodd għal Luca Scarcella, espert tat-teknoloġija, imma anki hu b’informazzjoni ċerta li Guardiola se jingħaqad ma’ Juventus.

Hawn forsi tajjeb li nirrimarkaw ukoll li f’dawn ix-xhur kollha l-isem ta’ Guardiola hu l-uniku wieħed li baqa’ kostanti u qatt ma nbidel. Bħala alternattiva għal Guardiola daqqa kellna lil Conte, daqqa lil Inzaghi, Mihajlovic, Pochettino u x’naf jien. L-isem ta’ Sarri hu relattivament ferm reċenti hekk kif bdew jaqgħu bil-mod il-mod l-ismijiet l-oħra. Għalfejn l-isem ta’ Guardiola biss qatt ma tilef mill-piż tiegħu? U għalfejn kellna konfermi minn ambjent finanzjarji internazzjonali?

Is-sentenza Uefa

L-akbar argument għal min hu konvint li Guardiola se jkun il-kowċ ta’ Juventus hu marbut mas-sentenza tal-Uefa fil-konfront ta’ Manchester City. Football Leaks kixfu prattiċi illegali tal-klabb Ingliż li permezz ta’ kuntratt foloz u kumpaniji fittizi ħbew l-għotja ta’ flus fi kwantità kbira mis-sidien lill-klabb tagħhom stess. Il-Fair Play Finanzjarju jippermetti dan f’ċertu limiti, limiti li Manchester City qabżu għal diversi snin. Għalhekk l-Uefa mhix se jkollhom triq oħra li jħallu lil Man. City barra mill-kompetizzjonijiet għal sena sħiħa, forsi tnejn. Intennu li l-każ ta’ Man. City hu ferm differenti minn dak ta’ klabbs oħra peress li hawn mhux qed nitkellmu dwar djun kbar, imma qed jitkellmu fuq ksur ta’ wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Fair Play Finanzjarju. La toħroġ is-sentenza nkunu nafu iktar fiċ-ċert id-dettalji tal-istorja. Intant ta min jgħid li fil-kuntratt ta’ Guardiola hemm klawżola li permezz tagħha hu jista’ jinħall mill-kuntratt fl-eventwalità li Man. City jibqgħu barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej. X’aktarx fil-klawżola tiskadi fil-15 ta’ Ġunju (tiftakru meta kien inqal li kien se jkun ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju!). Momblano u Guelpa dejjem sostnew li Guardiola jrid jitlaq lil Manchester City mhux minħabba s-sentenza tal-Uefa, imma li kien se jużaha bħala skuża.

Il-‘gideb’ ta’ Agnelli u Paratici

Il-ġurnaliżmu mainstream dejjem emmen il-kliem ta’ Agnelli u Paratici. Jekk tmorru taraw x’kienu jiktbu l-gazzetti sas-17 ta’ Mejju filgħodu stess (meta tħabbar li Allegri ma kienx se jibqa’ ma’ Juventus) issibu li l-gazzetti kienu qed jemmnu kliem Agnelli li wara l-eliminazzjoni miċ-Champions League ħabbar li Allegri kien se jibqa’ jmexxi lit-tim Juventin. Emmnuh, minkejja li kif kitbu Momblano u Guelfa diġa’ kienu għaddejjin kuntatti ma’ Guardiola u, inżidu aħna, forsi ma’ Conte stess li kien qed ikun dejjem Turin.

Niġu mbagħad għall-kliem ta’ Paratici li qal: “Qatt ma kkunsidrajna lil Guardiola għax hu marbut b’kuntratt ma’ klabb ieħor.” Paratici jrid forsi jispjegalna allura għalfejn Juventus marru għal Sarri li għadu marbut b’kuntratt ma’ Chelsea.

Il-verità naħsbu li hi li din hi logħba li Juventus qed jilagħbu biex ikomplu n-negozjati bil-kwiet. Ma ninsewx li peress li Juventus għandhom l-ishma tagħhom kwotati fil-Borża, iridu joqogħdu ferm prudenti li ma jiġux mixlija bir-reat ta’ aggiotaggio (prattika frawdolenti ta’ min jagħti aħbarijiet mhux ċerti bl-għan li jgħola l-prezz tal-ishma). Forsi f’dad-dawl trid tinqara anki d-dikjarazzjoni tal-avukat Alberto Galassi, membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Manchester City, li kien ċaħar l-aħbar Guardiola-Juventus. Galassi, għal min ma jafx hu miżżewweġ ma’ waħda min-neputijiet ta’ Enzo Ferrari u għaldaqstant b’xi mod għandu konnessjonijiet mal-Familja Agnelli. Kien ġenwin fi kliemu? Jew kien kompliċi ta’ Agnelli-Paratici? U meta Guardiola stess f’żewġ ċirkostanzi stqarr li se jibqa’ ma’ Manchester City, kien sinċier jew ried jilgħab il-logħba ta’ Agnelli-Paratici?

Għalfejn id-dinja tal-finanza hi daqshekk konvinta?

Nagħlqu dan l-artiklu twil billi nippruvaw nifhmu għalfejn esperti tal-finanza u tal-politika internazzjonali huma daqstant ċerti li Guardiola se jieħu f’idejh lil Juventus. Ir-raġuni tista’ tkun marbuta mal-Borża. Fl-aħħar ġimgħat investituri kbar jidhru li xtraw l-ishma ta’ Juventus. Forsi hu sinjal li għandhom xi xamma li l-istorja Guardiola-Juventus hi vera. Jew forsi sempliċiment hu dovut għall-fatt li kuntratt bħal dak ta’ Guardiola bilfors jara l-involviment ta’ kumpaniji internazzjonali kbar li jisponsorizzaw il-qbil ma’ Juventus. Kuntatti li mbagħad iwasslu sabiex fl-ambjent finanzjarju jkun hemm stennija qawwija għal dak li jista’ jseħħ.

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Comments 1

  1. L-ewwlnett nixtieq ghan-nom tal juventini kollha nirringrazzja lil Matthew ghal dan it-taghrif dettaljat migbur b’mod professjonali u spejgat bl-aktar mod semplici. Pero’ jien ghad ghandi l-konvinzjoni li Sarri jkun il-kowc taghna ghax ma nhoss li dak kollu li qed naqraw, kuntratti jinhallu, diskussjonijiet, vjaggi f’Baku, etc. huma kollha shab fix-xejn Filwaqt li Guadiola diga qal bosta drabi li se jibqa mas-‘ City. Ghalija nixtieq ikollna lil Pep pero imbaxxi rasi u ghandi fiducja f’dak li taghmel id-dirigenza juventina. Li hu zgir hu li din l-gimgha nkunu nafu dan ‘is-sigriet’.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *