Għażla ħażina!

MatthewJuve Uncategorised 4 Comments

Mhuwiex fl-istil ta’ din il-website, la qatt kien u qatt mhu se jkun, li nfaħħru u nċapċpu għal dak kollu li jagħmlu Juventus. Aħna naħsbu b’rasna u nfaħħru dak li hu xieraq li jitfaħħar, filwaqt li nikkritikaw xi affarijiet li ma jkunux saru sew. Ovvjament aħna nesprimu l-ideat tagħna u nħallu f’idejkom li tilqgħuha jew inkella jkollkom opinjoni oħra.

Niġu issa biex nikkummentaw l-akkwist ta’ Matri. Qabel xejn ngħid li hu żball kbir li neħħejna lil Giovinco. Il-kwistjoni ta’ Matri hi marbuta ma’ Giovinco. Għal xi raġuni stramba ferm Juventus għażlu li jħallu lil Giovinco, plejer li swiena 11-il miljun u li fl-età ta’ 28 sena jifforma parti mit-tim nazzjonali Taljan. Qabel ġew Toronto FC kien hemm ir-rieda ċara ta’ Juventus li jeħilsu minn Giovinco. Tant hu hekk li qatt ma kien hemm negozjati serji sabiex hu jġedded il-kuntratt. Wara mbagħad daħlu Toronto FC u Giovinco kien kuntent, ovvjament, li jiffirma b’paga bħal dik.

Meta Giovinco ffirma ma’ Toronto, kien hemm mill-ewwel reazzjoni ta’ Juventus. Talbuh ixolji l-kuntratt għax kienu rashom mimlija li se jixtru lil Zaza. L-aġent ta’ Giovinco beda n-negozjati ma’ Toronto FC. Mill-banda l-oħra bdiet il-farsa ma’ Sassuolo. Bl-iskuża ta’ telfa kontra Cagliari, Sassuolo bdew jopponu li Zaza jinbigħ lil Juventus. Wisq probabbli huma jridu jistennew sas-sajf mhux għax iriduh biex isalvaw, imma għax qed jittamaw li fis-sajf ikun hemm min (Tottenham?) joffri iktar mill-15-il miljun miftehma ma’ Juventus.

B’konsegwenza ta’ dan l-atteġġjament ta’ Sassuolo, Juventus kellhom ifittxu lil xi ħaddieħor. In-negozjati ma’ Toronto FC kienu bdew u allura ma setgħux jitreġġgħu lura. Bdejna nisimgħu ħafna ismijiet ta’ plejers ta’ low profile, fosthom anki eks plejers tagħna bħal Osvaldo u Matri. Finalment ma kien fadal ħadd ieħor x’nieħdu ħlief Matri.

L-akkwist ta’ Matri hu żbaljat għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett ninsab konvint li Juventus kienu qed ifittxu partner fl-attakk għal Tevez hekk kif Llorente u Morata mhux qed jagħtu l-kontribut mistenni minnhom. Zaza bil-karatteristiċi tiegħu seta’ jkun partner ideali fl-attakk ma’ Tevez u kien wisq probabbli se jiskorja b’mod iktar regolari milli jagħmlu ż-żewġ Spanjoli. Barra minn hekk Zaza seta’ jilgħab anki fl-Ewropa.

Ridna attakkant li jilgħab mal-ewwel ħdax u minflok ħadna riserva, il-ħames attakkant. Ħadna attakkant li jixbah ħafna lil Llorente u Morata fil-karatteristiċi tiegħu. Spiċċajna lanqas għandna plejer li kapaċi jserraħ lil Tevez. Biex ma nsemmux imbagħad li fis-sajf 2013 neħħejna lil Matri għax ma konniex inqisuh tajjeb u għamel sena u nofs jiġri minn tim għal ieħor mingħajr qatt ma jagħmel xejn sura. Ġibna lura ‘scarto’ tagħna li fl-aħħar sentejn-tlieta kien deludenti ferm.

Fuq kollox però hu inaċċettabbli li tim bħal Juventus iġib ruħu b’dan il-mod fis-suq tat-trasferimenti. Tlaqna f’Diċembru bit-tentattiv li nieħdu lil Shaqiri u Lavezzi, għaddejna għal Zaza u spiċċajna b’Matri u Osvaldo. Tim kbir għandu jkollu ambizzjonijiet kbar u jekk verament irridu nikkompetu fl-Ewropa neħtieġu attakkanti ta’ stoffa. Dawn jinxtraw biss b’investiment ta’ flus. Ma jistax ikun li l-ħin kollu nippruvaw insaħħu lit-tim b’self. Ma jistax ikun li jkollna nbaxxu rasna l-ħin kollu għar-rieda ta’ timijiet żgħar li wara li nkunu armajnilhom tim, lanqas ikollhom id-deċenza li jagħtuna xi ħaġa lura.

Fid-dawl ta’ dan kollu naħseb li din ta’ Matri kienet għażla ħażina. Ħażina mhux tant għall-valur tal-plejer innifsu, imma għall-mod kif wasalna għal dan it-trasferiment. Ilna snin nassistu għal dawn ix-xeni patetiċi f’Jannar. Marotta ta sehmu biex tinbena skwadra qawwija, imma issa jrid jibdel il-mentalità tiegħu jekk verament irridu nkunu kompetittivi fl-Ewropa!

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Comments 4

  1. Naqbel mieghek perfettament. Ma nistghux nimxu l-quddiem b’din il-mentalita liqieghed jimxi biha marotta. Jew jibdel it-tattika tieghu Jew jinbidel,inkella se nibqghu biss tajbin gewwa l-italja.
    Aldo ciantar

  2. Prosit hafna Matthew klien bis sens bhal dejjem u naqbel mieghek perfettament.certu platers ma nafx ghalfejn ma jatuhomx cans!jien Giovinco dejjem ghogobni imma ahna ma nikkmandawx! Il gurnata it tajba

  3. Filwaqt li nirrispetta l-opinjoni tieghek ma nistax naqbel ma l-argumenti ta dan l-artiklu. L-ewwel haga f’Jannar rari jsiru trasferiment kbar u jekk minhix sejjer żball din s-sena aqta Cuadrado ma tharrek hadd ta kalibru fl-Europa kollha. Barra min hekk il-mercato ma jaghmlux Marotta izda d-dirigenza kollha, Paratici u Nedved inkluz il-president flimkien mal-coach. Rigward Giovinco , l-izball kien meta xtrajnieh ghax kemm taht Conte u kemm taht Allegri ma rnexxielux jiehu postu u kien ikun zball akbar kieku geddidnielu l-kuntratt. Fuq Zaza ghandek żball ohxon ghax jigi min jigi ghalih il-Juventus ghandhom dritt jixtruh bi €15,000 000, iżda dan id-dritt jidhol fis-sehh min Gunju li gej u ghalhekk ma hadniehx issa ghax Sassuolo mhumiex obligati bil-kuntratt li diga hemm! Fuq Matri ghandek ftit ragun ghalkemm jien ma kontx qed nistenna xi stilla biex ikun il-hames attakkant ta Juventus!

    1. Post
      Author

      Nirrispetta l-opinjoni tieghek bhalma int tirrispetta l-opinjoni tieghi. Ghandna fehmiet differenti u dan hu normali.

      Ridt pero’ inwiegeb dwar il-kwistjoni tar-recompra. Hu kwistjoni dibattibbli ferm kemm hi vinkolanti din il-klawzola. Hemm gazzetti u siti li qed jirrapurtaw li din taqa’ jekk tigi offerta ikbar. Fil-passat kien hemm tipi ta’ kuntratt simili u kienu japplikaw biss meta jkun hemm offerti tal-istess valur. M’iniex espert fi kwistjonijiet legali u se nibqa’ nitkixxef fuq ir-recompra. Jekk tahseb fuqha, hemm xi haga stramba … tipo la tiskadi f’Gunju, Sassuolo kellhom xorta wahda d-dritt li jbighu lil Zaza f’Jannar lil xi tim iehor u allura r-recompra kienet taqa’. Fl-istess hin jekk f’Gunju Juventus jaghzlu li ma jiehdux lil Zaza, u jigi tim iehor ghalih, Sassuolo se jkunu jistghu jbighuh xorta wahda anki jekk ir-recompra hi valida ghas-sena ta’ wara wkoll. Insomma mhix cara ezatt din il-kwisjtoni tar-recompra!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *