It-Traġedja tal-Heysel hi parti mill-istorja tal-Club tagħna wkoll!

MatthewJuve News 1 Comment

Qed nisiltu silta mill-ktieb “Iswed u Abjad” li kien ippubblikat mill-Club tagħna sabiex ikun iċċelebrat bl-aktar mod denju l-40 anniversarju mit-twaqqif tal-Club. Il-ktieb, miktub minn Manwel Scerri u Matthew Scerri se jkun xhieda diretta tal-istorja tal-Club mill-1975 ‘il quddiem. It-traġedja tal-Heysel hi parti mill-istorja tal-Club tagħna wkoll. Ejjew naraw kif:

Is-silta mill-ktieb:
B’dieqa rridu ngħidu li dakinhar konna xhieda diretti ta’ waħda mill-paġni l-aktar suwed fl-istorja tal-futbol Ewropew, dik li sal-lum għadha magħrufa bħala t-Traġedja tal-Heysel.

Malli Juventus kisbu l-aċċess għall-Finali, il-Kumitat tal-Juventus Club (Malta) minnufih beda bil-preparamenti meħtieġa biex jorganizza tour għal din il-partita. Dik il-ħabta l-biljetti kienu jinġiebu biss direttament minn Juventus FC f’Turin u allura l-Kumitat permezz tas-Segretarju Albert Callus mill-ewwel għamel kuntatti diretti mas-Segretarju Ġenerali, Sergio Secco, li kien responsabbli mit-tqassim tal-biljetti għall-Finali. Albert Callus kontinwament kien iċempel lil Secco fejn talbu 42 biljett (daqskemm kienu l-membri li bbukkjaw it-tour) għall-Finali.

Ġimgħa biss qabel il-final, Callus irċieva telefonata mingħand Secco fejn infurmah li peress li s-sehem ta’ Juventus kien biss ta’ ħdax-il elf biljetti ma kellux biljetti disponibbli għalina. Is-Segretarju Callus ċempel lil President Boniperti li nfurmah b’dan kollu u qallu li l-Club kellu diġà kollox imħallas għal dan it-tour. Il-President Juventin b’rispett lejn il-Club tagħna wiegħed li kien se jkellem lil Secco. Infatti jumejn wara Secco ċempel lil Callus u qallu li wara l-intervent ta’ Boniperti kellu biss 20 biljett disponibbli għalina. “Ejjew għalihom malajr għax titilfuhom”. Fuq ordni tal-Kumitat, Albert Callus tela’ Turin u ġab l-20 biljett.

Ovvjament l-20 biljetti ta’ Juventus (li kienu fil-curva riservata għall-partitarji Bianconeri) ma kinux biżżejjed u l-Kumitat ried jara kif se jikseb il-kumplament ta’ 22 biljett biex jaqdi lit-42 persuna li ħallsu t-tour kollu. Il-Kumitat kellu kuntatt ma’ persuna ta’ fiduċja li kienet lesta iġġib it-22 biljett l-ieħor mill-Ingilterra. Il-prezz miftiehem kien ta’ 70 Lira Sterlina ‘l wieħed (prezz għoli għal dak iż-żmien). Hekk kif din il-persuna marret tiġbor il-biljetti mill-Ingilterra, kienet infurmata li biljetti ta’ 70 Lira Sterlina (li kienu fil-misħuta Curva Z fejn ġrat id-diżgrazzja) spiċċaw u fadal biss dawk fit-Tribuna Ċentrali iżda kienu jiswew 140 Lira Sterlina ‘l wieħed.

Tard bil-lejl, il-President Manwel Scerri kien infurmat b’telefonata minn Londra b’din is-sitwazzjoni u dak il-ħin stess kellu jieħu deċiżjoni għax, kif jgħidu l-Ingliżi, kienet sitwazzjoni ta’ ‘take it or leave it’. Fiċ-ċirkostanzi li kienu, bil-Finali ftit jiem ‘l bogħod, bil-membri ma jafux fejn qegħdin bil-biljetti, Manwel Scerri iddeċieda li jinġiebu t-22 biljett bil-prezz il-ġdid offrut fit-Tribuna Ċentrali. Kienet deċiżjoni kuraġġuża u responsabbli.

Kien tassew provvidenzjali li ttieħdet din id-deċiżjoni għax dakinhar, proprju fil-Curva Z qabel il-partita tilfu ħajjithom 39 sapporter. Il-President, Manwel Scerri jirrakkonta, “Dak iż-żmien ma kellniex mobiles u allura biex inserrħu ras il-familjari tagħna, li bħad-dinja kollha assistiet permezz tat-trasmissjoni televiżiva diretta għat-traġedja, malli tlaqna minn Brussels fis-siegħa ta’ filgħodu bil-coach lejn l-Olanda (fejn kellna l-hotel) waqafna fil-fruntiera bejn il-Belġju u l-Olanda u bdejna nċemplu Malta ħalli nserrħu ras il-qraba tagħna li konna qawwijin u sħaħ.”

Mal-wasla lura f’Malta, intervistat mir-radju Manwel Scerri qal, “Nirringrazzjaw lil Alla li b’42 membru morna u b’42 ġejna lura.”

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Share on Google+
Google+
Email this to someone
email

Comments 1

  1. Grazzi Matthew li ghan-nom tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) kull anniversarju ta’ din it-tragedja infakkru lill-partitarji juventini Maltin u Ghawdxin (kemm dawk anzjani wisq aktar iz-zaghazgh taghna) dik is-serata drammatika u terribbli li d-dinja sportiva assistit ghaliha.
    Il-vittmi ta’ dik it-tragedja kienu partitarji bhalna, missierijiet anki bit-tfal maghhom, li ghall-imhabba tal-kuluri juventini kellhom ihallu hajjithom hekk barbarament u
    tragikament f’dik li kellha tkun serata ta’ sport.
    Ejjew ghalhekk ma ninsew qatt lil dawk id-39 partitarju.

    Aghatihom o’ Mulej il-mistrieh ta’ dejjem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *