Juventus-Udinese 0-1

MatthewJuve News 2 Comments

Nafu li kienet se tkun sena diffiċli u fil-fatt fl-ewwel partita tal-kampjonat ħriġna telliefa. Udinese rebħulna 0-1 f’partita li kollox ma’ kollox kien ikun iktar ġust li tintemm bl-iskor ta’ draw.

Hu diffiċli ferm li tikkummenta dwar din il-partita għax onestament hem wisq plejers importanti neqsin b’injury u għad fadal xi akkwisti li jridu jaslu. Il-Juventus li rajna llum mhix il-Juventus li se naraw matul is-sena, għallinqas f’dawk li huma plejers. Se jkollna tim rinnovat diġà mill-ġimgħa u allura ħafna mill-kummenti li jistgħu jsiru jaf ikunu superfluwi. Madankollu hemm ftit kunsiderazzjonijiet li tajjeb li jsiru.

Nibdew qabelxejn minn kumment dwar il-logħob li rajna s’issa kemm kontra kif ukoll illum kontra Udinese. It-tim deher li għandu reida tajba, però hemm ħafna konfużjoni fit-tim. Il-logħob mhux qed ikun ‘flowing’ bħas-snin li għaddew. Hu veru li ħafna plejers huma ġodda u ma tantx jafu lil xulxin. Però hu veru wkoll li hemm xi plejers tipo Pogba li qed jilagħbu wisq għal rashom. Conte għallimna l-importanza li nilagħbu bħal tim u fuq dan l-ispirtu Allegri bena s-suċċessi tas-sena li għaddiet. Nispera li dan l-ispirtu ma jintilifx!

Imbagħad hemm Allegri li għandu ftit tat-tort. Ngħiduha kif inhi: kif tista’ tħalli lil Dybala riserva u minfloku tilgħab lil Coman? Kif tista’ tibqa’ tilgħab lil Llorente meta dan se jinbigħ u ma tilgħabx plejers oħrajn (tipo Zaza) li għandhom l-entużjażmu li juru x’jafu? Kif tista’ tkun qed titlef u ddaħħal lil Isla? Kif tista’ tħalli lil Sturaro fuq il-bank tas-sostituti u minfloku tilgħab lil Padoin?

Diffiċli twieġeb dawn il-mistoqsijiet. L-impressjoni hi li, minkejja dak li hu stess stqarr, Allegri ma tantx hu favur l-għażliet tal-klabb. Ilu jeqred għal trekwartista u minfloku qed iġibulu ħafna wingers li donnhom jeskludu trekwartista. Fl-Italja l-ebda kowċ ma jitħalla jimponi l-għażliet tiegħu fis-suq tat-trasferimentiu jkollu jaħdem bil-materjal li l-klabb jagħtih. F’dan is-sens nemmen li Allegri jmissu jikkunċentra iktar fuq sistema ta’ logħob li tisfrutta aħjar il-kwalitajiet tal-plejers li għandu fit-tim iktar milli joqgħod joħlom fuq sistema li m’għandniex plejers għaliha għalissa.

Il-kwistjoni tat-trekwartista hi kemxejn delikata. Fl-opinjoni tiegħi Juventus m’għandhomx bżonn ta’ nies bħal Draxler. Il-veru kwistjoni hi kif se jsiru xi ħadd li jieħu post Pirlo quddiem id-difiża. Marchisio jista’ jaqdina f’dan, imma l-istaġun hu twil u l-injuries qegħdin dejjem hemm. Nemmen li aħna rridu xi ħadd li kapaċi jalterna ma’ Marchisio. Fil-verità, jekk nieħdu lil xi ħadd tipo Draxler lanqas nafu fejn jista’ jilgħab sakemm ma rridux li t-tim ikun żbilanċjat wisq fuq quddiem. Apparti li Allegri għandu diġà xi plejers fit-tim li kapaċi jilagħbu l-logħba offensive ta’ xi Draxler: Pereyra u Dybala (b’dan tal-aħħar li ma jidhirx li għandu s-simpatija ta’ Allegri, imma kull darba li jidħol fil-grawnd it-tim jinbidel għall-aħjar!). It-tnejn li huma mhumiex trekwastisti puri, imma jistgħu jaqduna tajjeb ferm.

Fl-aħħar nett ma jistax jonqos li nsemmi lil Vidal. Diġà ktibt f’dan is-sit li fl-opinjoni tiegħi Juventus qed jilagħbu man-nar bil-bejgħ ta’ Vidal. Tlift leader fit-tim, plejer li fil-mumenti ta’ diffikultà kien kapaċi jmexxi lil sħabu ‘l quddiem biex tinħoloq reazzjoni pożittiva. Illum it-tim hu magħmul minn ħafna plejers tajbin u ta’ potenzjal enormi, però r-riskju hu li mingħajr leader se jintilfu. Pirlo u Tevez kien naturali li nitilfuhom, imma hu inaċċettabbli li tbigħ lil Vidal għal somma ridikola (Kovacic prattikament sewa kważi daqsu!). Hemm deficit kbir ta’ personalità fit-tim, deficit li hu kkawżat anki minħabba t-telfa ta’ Vidal.

Wara li għidna dan kollu, irridu nibqgħu nagħtu l-fiduċja lil Allegri u lil Marotta biex jaħdemu ħalli jibnu t-tim. Id-diffikultajiet qegħdin hemm u mhux se jissolvew malajr. Nisperaw li din it-telfa ma tbaxxix wisq il-moral u fuq kollox, nittamaw li t-tim ikompli jaħdem fi trakwillità u mingħajr wisq pressjoni.

JUVENTUS-UDINESE 0-1
SKORJA:
Thereau (U)

JUVENTUS: Buffon; Barzagli, Bonucci, Chiellini; Lichtsteiner (Isla), Pereyra (Llorente), Padoin, Pogba, Evra; Coman (Dybala), Mandzukic. Kowċ: Allegri

UDINESE: Karnezis; Heurtaux, Danilo, Piris; Edenilson, Bruno Fernandes, Iturra, Badu (Kone), Adnan (Widmer); Thereau, Di Natale (Zapata). Kowċ: Colantuono

REFEREE: Mazzoleni

KARTI SOFOR: Piris (U), Heurtaux (U), Padoin (J), Adnan (U)

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Comments 2

  1. il-biza hija li jigrilna bhal ma gralom il-Milan! Allegri kien rebahhom kampjonat briehet il-coach ta qablu kif inbidlulu anke l-pleyers ma kienx kapaci jtella tim fuq saqajh! il-kampjonat tas-sena l-ohra intrebah ax kien em il-bazi ta Conte u din is-sena kollox hu jrid jarma! il-biza tieghi hi Allegri kapaci jew ha jigrilna bhal Milan?!

  2. Tlifna logħba f’Torin u donnu waqgħet d-dinja. Ma ngħaġġlux ħbieb. Illum tlifna mhux għax l-Udinese aħjar minna imma għax għarfu jsfruttaw l-uniku ċans li tajnihom. Ngħd “tajnihom” għax Lichtsteiner qatt ma kien messu ħalla lil Thereau waħdu waħdu.
    Bħal Matthew ma fhimtx għaliex tħalla barra Sturaro. Ma fhimtx għaliex daħal LLorente u Isla. Imma l-iktar li ma fhimtx kif Allegr ma bidilx lil Pogba. llum Paul Pogba kellu ġurnata ħażina u naħseb li aħjar jinbiegħ u nġibu żewġ players tajbin milli jibqa’ jħawwad waħdu.
    Nittama li wara din il-logħba id-dirigenza tal-Juve ikellmuh sewwa għax jekk jibqa’ jilgħab hekk m’għandniex x’nambuh.
    Punt ta konsolazzjoni hu li r-riżultati l-oħra ma kienux allarmanti għalina. FORZA JUVE.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *