L-2018 ta’ Juventus f’10 ritratti

MatthewJuve News Leave a Comment

1. Il-gowl ta’ Higuain kontra Inter

M’hemmx xi ngħidu matul is-sena kienu ħafna l-okkażjonijiet ta’ ferħ għar-rebħiet ta’ Juventus. Mingħajr dubju però jibqa’ f’moħħ kulħadd il-gowl ta’ Higuain fi tmiem id-Derby d’Italia kontra Inter. Sa ftit minuti minn tmiem il-partita l-Bianconeri kienu minn taħt u dehru destinati li jitilfu l-kampjonat. F’temp ta’ żewġ minuti, però, Juventus għarfu jdawru telfa f’rebħa. Il-gowl ta’ Higuain jibqa’ għaldaqstant forsi l-aktar mument emozzjonanti għal dis-sena.

2. Il-gowl stupend ta’ Ronaldo fl-Allianz Stadium

Gowl ieħor, did-darba gowl li Juventus qalgħu. F’April Real Madrid waslu Turin u taw wirja sublimi fejn ġabu fix-xejn lil Juventus. Dakinhar l-eroj għal Real Madrid kien Cristiano Ronaldo li skurja ġmiel ta’ gowl b’rovesciata. Is-supporters Juventini qamu jċapċpulu tant kemm ammiraw is-sbuħija tal-gowl ta’ CR7. Ir-reazzjoni tas-supporters Bianconeri ħalliet lil Ronaldo bla kliem. Wara l-partita qal li qatt ma ġratlu ħaġa hekk f’ħajtu u rringrazzja lis-supporters ta’ Juventus. Dakinhar, bla ma nafu kienet qed titwitta t-triq għall-akkwist tal-aqwa plejer tad-dinja min-naħa ta’ Juventus.

3. Champions tal-Italja 2017/2018

L-2018 rat lil Juventus jikkonfermaw ruħhom champions tal-Italja għas-seba’ sena konsekuttiva, rekord assolut għall-Italja u għall-aqwa ħames kampjonati tal-Ewropa. Din kienet anki l-aħħar darba li Buffon għolla tazza bħala captain ta’ Juventus.

4. Juventus jirbhu l-Coppa Italia 2017/2018

F’Mejju Juventus rebħu l-Coppa Italia għat-tlettax-il darba fl-istorja tagħhom. Din kienet ir-raba’ sena konsekuttiva li l-Bianconeri rnexxilhom jiksbu d-double Scudetto-Coppa Italia. Dakinhar tal-Finali Buffon ħalla li jkunu Marchisio u Barzagli li jgħollu lit-tazza. Hu spjega li Marchisio u Barzagli kienu pilastri tar-rebħiet Bianconeri fl-aħħar seba’ snin u kien ħaqqhom li jgħollu tazza.

5. L-addijo ta’ Buffon

Sena ta’ futbol hi magħmula anki minn mumenti ta’ firda. Wara sbatax-il sena rajna lil Buffon jitlaq lil Juventus. Konna nafu minn qabel li l-istaġun 2017/2018 kien se jkun l-aħħar wieħed ta’ Buffon ma’ Juventus. It-tluq tiegħu ħalla vojt kbir fil-qlub tas-supporters. Hu ddefenda l-lasti ta’ Juventus f’656 partita. Rebaħ ruxmata unuri. Nibqgħu niftakruh l-iktar, però, għall-fatt li fl-2006 ma abbandunax lil Juventus u niżel fis-Serie B bħala Champion tad-Dinja. Grazzi ta’ kollox, Gigi!

6. It-tluq ta’ Marchisio, Asamoah, Lichsteiner u Higuain

Apparti Buffon, diversi plejers oħra sellmu lil Juventus. Telaq Lichtsteiner, wieħed mill-ftit plejers li kien dejjem preżenti f’dawn l-aħħar seba’ snin ta’ suċċessi. Telaq Asamoah, pilastru ieħor taċ-ċiklu ta’ rebħiet. Telaq Higuain li f’sentejn f’Turin rebaħ il-qlub tas-supporters Bianconeri. Ma’ dawn tajjeb inżidu lil Howedes, plejer li lagħab ftit minħabba l-injuries imma li ta qalbu kull darba li niżel fil-grawnd. Fuq kollox imma telaq Claudio Marchisio. Beda jilgħab ma’ Juventus fl-eta’ ta’ 7 snin. Qatta’ ħajtu jilbes u jonora l-flokk Juventin. It-tluq tiegħu qasam qalb is-supporters kollha. U kienet tassew emozzjoni kbira li f’Diċembru erġajna rajnieh fl-Allianz Stadium biex isellem għall-aħħar darba lis-supporters. Grazzi, Stephan, Kwadwo, Gonzalo u Claudio!

7. L-akkwist ta’ Ronaldo

Għall-ewwel dehret ħolma. L-akbar plejer tad-dinja (flimkien ma’ Messi) bil-flokk Juventin. Konna naħsbu li Juventus ma setgħu qatt jimmiraw għal akkwist ta’ dat-tip minħabba raġunijiet finanzjarji. Agnelli, Paratici, Marotta u Nedved, però, urewna li l-affarijiet kienu differenti. Ronaldo deher mill-ewwel li ried biss jilbes il-flokk Juventin. Telaq lill-aktar klabb sinjur tad-dinja u rebbieħ ta’ tliet Champions Leagues konsekuttivi sabiex jilgħab għal Juventus. Inkredibbli!

8. Ir-ritorn ta’ Bonucci

Akkwist ieħor li deher impossibbli kien ir-ritorn ta’ Bonucci ma’ Juventus. Sena ilu telaq b’suppervja u b’rasu mimlija li kien se jgħin lil Milan iwaqqfu ċ-ċiklu ta’ Juventus. Il-grawnd urih li kien għamel żball u b’umiltà kbira ġie lura ma’ Juventus. “Kelli offerti minn klabbs kbar, imma x-xewqa tiegħi kienet biss li nirritorna ma’ Juventus li hi l-familja tiegħi,” stqarr Bonucci. Għall-ewwel is-supporters Bianconeri ma laqgħuhx wisq tajjeb, imma mbagħad reġa’ beda jirbaħ il-fiduċja b’wirja tajbin.

Ovvjament apparti Bonucci, fis-sajf kellna anki r-ritorni ta’ Spinazzola u Kean, kif ukoll l-akkwisti ta’ Emre Can, Perin u Cancelo (apparti Ronaldo li diġà tkellimna dwaru).

9. Paratici minflok Marotta

F’Ottubru kellna aħbar mhux mistennija: Beppe Marotta kien se jħalli lil Juventus. Minfloku Paratici ħa promotion. Agnelli dejjem spjega li l-bidla saret minħabba l-ħtieġa ta’ rinnovament. Illum Marotta qed jaħdem għar-rivali Inter. Nibqgħu dejjem grati lilu għal kulma għamel sabiex Juventus jiksbu bosta unuri.

10. L-għaqda fi ħdan it-tim

L-għaxar u l-aħħar ritratti hu forsi l-aktar wieħed għal qalbna għax juri dak li hu l-ispirtu tat-tim Juventin. Il-partita hi Valencia-Juventus taċ-Champions League. Ir-referee keċċa inġustament lil Ronaldo (għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu fil-kompetizzjonijiet Ewropej). Ronaldo ntefa’ mal-art b’disperazzjoni. Sħabu tat-tim marru fuqu u għenuh iqum. Ritratt inkredibbli li juri l-għaqda fi ħdan it-tim u li jgħallimna lezzjoni kbira.

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *