Messaġġ mill-President

MatthewJuve News Leave a Comment

Għeżież Membri u Supporters Juventini,

Minn hawn u ftit tal-jiem oħra se nkunu qed insellmu lis-sena 2019. Fil-messaġġ tiegħi għal tmiem is-sena xtaqt, bħalma nagħmel dejjem f’okkażjonijiet simili, nagħti ħarsa lejn is-sena li tkun se tintemm.

Is-sena 2019 rat lill-Club tagħna jkompli jikber f’termini ta’ membri miktuba, kif ukoll fil-firxa ta’ servizzi li noffru lilkom il-membri u lil dawk kollha li jitolbu l-għajnuna tagħna. Komplejna nirrappreżentaw lil Juventus f’Malta u fejn stajna wassalna l-leħen tagħkom f’Turin. Ħdimna b’kollaborazzjoni sħiħa maċ-Centro Coordinamento, kif ukoll ma’ uffiċċjali oħra ta’ Juventus. Qdejna lil kulħadd b’biljetti at face value u kull darba li stajna għamilna minn kollox biex dawk minnkom li jmorru Turin igawdu esperjenza mill-aqwa. Dis-sena wkoll bdejna norganizzaw tours fuq bażi aktar regolari. Tours li dejjem inbigħu bi prezzijiet raġjonevoli ferm u nistgħu ngħidu li f’kull grupp li tellajna nħolqot atmosfera tassew mill-isbaħ ta’ għaqda u ħbiberija.

Lokalment komplejna nsaħħu s-servizzi tagħna. Ma naqasx bħal dejjem xi xogħol ta’ tisbiħ tal-premises tagħna u nista’ ngħidilkom minn issa li m’aħniex se nieqfu lanqas is-sena d-dieħla nsebbħu lid-‘dar’ tagħna. Organizzajna diversi ikliet u attivitajiet soċjali bil-għan li nsaħħu r-rabta ta’ ħbiberija fi ħdan il-komunità tagħna ta’ supporters Juventini. Komplejna nżommu kuntatt magħkom anki permezz tas-social media u l-website tagħna. Xi kultant meta nħares lura tassew nistagħġeb kemm xogħol isir kuljum fuq bażi volontarja u b’imħabba kbira lejn dan il-Club!

L-2019 ra anki lili u lil sħabi tal-Kumitat naħdmu qatta bla ħabel biex inħejju għall-2020. Din se tkun sena importanti ferm għall-Club tagħna hekk kif se nkunu qed niċċelebraw il-45 anniversarju mit-twaqqif tal-Club. Ftit tal-jiem oħra se nkunu qed niżvelaw il-logo l-ġdid tal-Club u hekk se nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tal-Club. Bil-mod il-mod, imbagħad, se nkunu qed nagħtukom informazzjoni dwar il-programm ta’ attivitajiet li qed inħejju f’din l-okkażjoni daqstant speċjali. Hemm sorpriżi kbar imħejjija għalikom u konvinti li se tieħdu pjaċir bihom. Finalment anniversarju hu okkażjoni ta’ tiġdid b’sens qawwi ta’ rikonoxximent lejn dar li nkiseb fil-passat u b’entużjażmu ġdid biex jinkitbu paġni ġodda fl-istorja ta’ dan il-Club glorjuż.

Nagħlaq billi nirringrazzja lil sħabi tal-Kumitat u lill-isponsors kollha. Mingħajr il-ġenerożità u s-sagrifiċċji tagħhom żgur li dan il-Club ma jista’ jkun qatt dak li hu. Grazzi anki lilkom il-membri li ssegwuna b’tant imħabba. Intom kontu u se tibqgħu dejjem il-prijorità tagħna għax il-verità hi li Club mhuwiex magħmul mill-ġebel, imma minn persuni li għandhom għal qalbhom lit-tim Juventin.

Nawgurawlkom sena 2020 mimlija risq,

Joseph Fenech

President

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *