Posts

Uffiċjali: Itterminat il-kuntratt ta’ Ramsey

Intlaħaq ftehim bejn Juventus u Ramsey biex il-kuntratt tal-midfielder minn Wales ikun itterminat sena qabel iż-żmien. Fin-nota maħruġa minn Juventus m’hemm ebda indikazzjoni dwar kemm se jkun qed jingħata Ramsey. Qed tissemma ċ-ċifra ta’ 3 miljuni li Ramsey se jdaħħal talli aċċetta dal-ftehim.

Matthew Scerri

Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri

L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (26 ta’ Ġunju)

Is-sajf hu żmien il-calciomercato u huma tassew bosta l-aħbarijiet marbutin mas-suq tat-trasferimenti Juventin bħalissa. Fi ħdan it-tim Juventin mistennija jkun hemm bidliet kbar u għaldaqstant ma jistax jonoqs li l-aħbarijiet huma tassew numerużi.

De Ligt
Fl-aħħar jiem kien hemm bosta għidut li Chelsea lesti jagħmlu minn kollox biex jixtru lil De Ligt mingħand Juventus. Allegatament l-ewwel offerta tagħhom kienet ta’ 40 miljun Ewro flimkien mat-trasferiment ta’ Werner ma’ Juventus. Id-diriġenza Bianconera lesta tisma’ biss offerti cash għal De Ligt mingħajr bdil ta’ plejers. F’każ li jitlaq De Ligt, is-sostitut tiegħu ma’ Juventus x’aktarx ikun wieħed bejn Koulibaly (Napoli), Gabriel (Arsenal), Igor jew Milenkovic (Fiorentina).

Zaniolo
Qed jingħad li Nicolò Zaniolo għarraf lil Roma li mhuwiex intenzjonati jiffirma kuntratt ġdid magħhom. Fl-istess ħin hu ma jridx imur jilgħab barra mill-Italja. Juventus u Milan huma l-klabbs li jriduh fl-Italja. Il-Bianconeri qed joffru lil Roma tpartit ma’ Arthur (flimkien ma’ somma flus) jew inkella b’self għal sena mħallas 10 miljuni bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Pellegrini
Plejer li kważi ċertament se jitlaq lil Juventus das-sajf hu Luca Pellegrini. West Ham u Fulham avviċinaw lil Juventus u wrew interess li jixtruh. Fl-Italja hemm Monza li jriduh.

Kostic
Ilna ħafna nisimgħu li Juventus għandhom f’idejhom lil Filip Kostic. Allegatament hemm qbil bejn il-partijiet kollha konċernati biex Kostic jingħaqad ma’ Juventus għal 15-il miljun Ewro. Il-plejer mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin, bil-possibbiltà ta’ sena oħra kuntratt ukoll, b’paga ta’ 2.5 miljun Ewro. L-aħbar għadha mhix uffiċjali.

Mandragora
Ftehim ieħor li qed jingħata bħala wieħed maqbul u definittiv hu dak bejn Juventus u Fiorentina għal Mandragora. It-tim ta’ Comisso se jkun qed iħallas ftit inqas minn 10 miljuni biex jikseb is-servizzi ta’ Mandragora.

Ramsey
Suleyman Hurman, li hu l-President ta’ KAragumruk, ikkonferma li t-tim tiegħu kien jinsab f’negozjati ma’ Ramsey, biss wara numru ta’ laqgħat it-tim Tork qata’ qalbu li jista’ jilħaq ftehim mal-midfielder minn Wales.

Cambiaso
Jidhru li jinsabu fi stadju avvanzat ferm it-taħdidiet bejn Jvuentus u Genoa għal Andrea Cambiaso. Juventus lesti jixtruh għal madwar 10 miljuni, biss ma jridux li jħallsu s-somma kollha cash. Huma qed jipproponu lil Genoa li jieħdu lil Dragusin fil-ftehim u milli jidher Genoa huma interessati.

Matthew Scerri

Ramsey. X’qed joffrulu Juventus biex jittermina l-kuntratt

Aaron Ramsey jidher li wasal biex isellem lil Juventus darba għal dejjem. Arrivabene u Cherubini għamluha ċara mal-aġent tiegħu li m’hemmx spazju ma’ Juventus għal Ramsey u l-partijiet jinsabu f’taħdidiet biex il-kuntratt ikun itterminat. Juventus qed joffru somma ta’ 2 miljuni biex Ramsey jaċċetta li l-kuntratt tiegħu jkun itterminat sena qabel iż-żmien, filwaqt li jidher li l-aġenti talbu minflok somma ta’ 4 miljuni. Għad hemm distanza bejn domanda u offerta, imma l-ftehim x’aktarx jinstab anki minħabba l-fatt li Ramsey irid tim fejn ikun jista’ jilgħab sabiex ma jitħalliex barra mit-tim nazzjonali ta’ Wales għat-Tazza tad-Dinja. Intant, sakemm jinstab il-ftehim bejn Ramsey u Juventus, l-aġent diġà beda jisma l-offerti ta’ xi klabbs oħra. Cardiff u Karagumruk ta’ Pirlo jinsabu interessati ferm li jiksbu s-servizzi ta’ Ramsey.

Matthew Scerri

Juventus se jħallsu parti mill-paga ta’ Ramsey fis-sitt xhur li ġejjin

Skont rapporti mhux uffiċjali, Juventus se jkunu qed jibqgħu jħallsu 30% tal-paga ta’ Ramsey fis-sitt xhur li ġejjin. Il-gazzetta ‘Daily Mail’ qiegħda anki tirraporta b’mod esklussiv li fil-kuntratt ta’ Ramsey kien hemm klawżola li tistipula li kieku Ramsey baqa’ ma’Juventus sa Ġunju 2022, il-kuntratt itegħu kien awtomatikament jiġġedded għal sena oħra sal-2024 minflok sal-2023 hi li d-data attwali ta’ tmiem il-kuntratt tiegħu. Fi kliem ieħor Juventus kellhom kull interess li jneħħu lil Ramsey biex jevitaw sena paga iktar li tfisser 7 miljuni oħra, taxxi esklużi.

Matthew Scerri

Ramsey misluf lil Glasgow Rangers

Aaron Ramsey ingħaqad b’self ma’ Glasgow Rangers sa tmiem l-istaġun. Hu ngħata merħba kbira mis-supporters il-ġodda tiegħu. Hemm rapporti li Glasgow Rangers għandhom id-dritt li jixtruh għal kollox fis-sajf għas-somma ta’ 5.5 miljun Ewro. Dad-dritt, però, mhuwiex imsemmi fl-istqarrija maħruġa minn Juventus.

Matthew Scerri

Ftehim bejn Juventus u Glasgow Rangers għal Ramsey

Hemm rapport li Glasgow Rangers għandhom ftehim ma’ Juventus għas-self ta’ sitt xhur ta’ Aaron Ramsey. Juventus qablu li jħallsulu parti mill-parti. Issa jmiss li Ramsey innifsu jiffirma l-kuntratt. S’issa għad m’hemmx indikazzjoni jekk Ramsey huwiex se jaċċetta l-offerta ta’ Glasgow Rangers. Li nafu s’issa hu li Ramsey irrifjuta l-offerti li waslulu fil-ġimgħat li għaddew. Hemm xnigħat, madankollu, li Ramsey diġà sellem lil sħabu ta’ Juventus fil-jiem li għaddew u dan, jekk ikkonfermat, hu sinjal li hu finalment se jkun qed jitlaq lill-Bianconeri.

Matthew Scerri

Ramsey sejjer ma’ Wolves?

Fadal 24 siegħa għall-għeluq tas-sessjoni tax-xitwa tas-suq tat-trasferimenti u s’issa Ramsey għadu ma telaqx. Nafu li fil-jiem li għaddew Ramsey irrifjuta trasferiment ma’ Burnley u Crystal Palace. Issa jirriżulta li Wolverhampton għamlu kuntatt ma’ Ramsey u hemm għidut li Ramsey hu interessat f’din l-offerta peress li Wolves għandhom tim kompetittiv u għandhom saħħa finanzjarja li tista’ tiggarantilu li jkompli jaqla’ l-paga li għandu ma’ Juventus bħalissa.

Matthew Scerri

Imsemmi tibdil fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus

F’nofs il-grawnd ta’ Juventus x’aktarx se jkun hemm xi bidliet fil-jiem li ġejjin. Hu fatt magħruf li l-aġent ta’ Arthur ilu miftiehem ma’ Arsenal. Fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar li Aston Villa qed juru interess qawwi fl-akkwist ta’ Bentancur. Imbagħad hemm Ramsey li fi kliem Allegri stess se jkun qed jitlaq lil Juventus (anki jekk s’issa l-ftehim bejn il-partijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt tal-plejer minn Wales għadu ma nstabx!). Intant fl-aħħar sigħat kellna l-aħbar li Juventus qed jaħdmu biex jiksbu b’self lil Nandez mingħand Cagliari. Fl-istess ħin, kien hemm anki aħbar li l-Bianconeri għamlu kuntatt ma’ Milan għal Kessie li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju 2022. Kien hemm verità f’dan l-għidut kollu ma nafux. Biss wara dak kolli li nqala’ ma’ Vlahovic, żgur li kollox jista’ jiġri!

Matthew Scerri

Rovella ma’ Juventus jekk jitlaq Arthur jew Ramsey

L-aktar akkwist probabbli għal Juventus f’Jannar hu dak ta’ Nicolò Rovella. Il-midfielder Taljan hu diġà plejer ta’ Juventus imma baqa’ b’self ma’ Genoa għal sena u nofs. Is-self jasal fi tmiemu fis-sajf biss Juventus jidhru disposti li jikkuntattjaw lil Genoa sabiex Rovella jingħaqad mat-tim ta’ Allegri b’mod immedjat. Fil-fatt Juventus jistgħu jbigħu lil Ramsey u/jew Arthur u għaldaqstant jeħtieġu plejer f’nofs il-grawnd. Issemmew Zakaria u Bruno Guimaraes, iżda t-tnejn li huma diffiċli biex jinkisbu hekk kif hemm konkorrenza qawwija għal Zakaria filwaqt li O.Lyon qed jitolbu 50 miljun għal Guimaraes. It-trasferiment ta’ Rovella hu iktar fattibbli. F’dan l-istaġun hu kellu wirjiet tajba u Juventus jemmnu li hu matur biżżejjed biex jagħti sehmu fin-nofs il-grawnd tagħhom.

Matthew Scerri