Posts

Ronaldo mitlub iħallas id-danni

Il-każ ta’ Kathryn Mayorga għadu ma ntemmx. Skont Mirror, Mayorga, li kienet akkużat lil Ronaldo li abbuża biha, qed titlob issa l-ħlas tad-danni. Hi qed titlob 56.5 miljun Sterlina f’danni. Ovvjament trid tkun Qorti biex tistabilixxi jekk hi għandhiex id-dritt għal dis-somma.

Matthew Scerri

Tliet gowls f’32 minuta …

Tliet gowls f’32 minuta. Hekk wieġeb Cristiano Ronaldo għall-kritika li qala’ wara li Juventus sfaw eliminati miċ-Champions League. Mhix ovvjament l-ewwel darba li skurja hattrick. Darba waħda biss, però, irnexxilu jiskurja tliet gowls f’inqas ħin mil-lum. Fil-fatt fl-2015 kien skurja hattrick kontra Espanyol f’20 minuta.

Matthew Scerri

X’ried jgħid biha Ronaldo?

Ftit wara s-sebgħa tal-lejla Cristiano Ronaldo tella’ fuq Instagram ritratt tiegħu qed jixxemmex bil-caption “Siiiiiiiiiii💪🏽”. Ma nafux eżattament għal xiex kien qed jirreferi. Tgħid irċieva l-aħbar li fieq mill-Covid?

Matthew Scerri

Ronaldo se jitlef Juventus-Verona

Cristiano Ronaldo żgur se jkun qed jitlef il-partita kontra Verona. Dalgħodu sarlu swab test ieħor u qed jistenna r-riżultat. Anki jekk ikun negattiv, Ronaldo xorta waħda jrid jagħmel test mediku ieħor li juri li m’għandux problemi ta’ saħħa li jimpeduh milli jilgħab. Pirlo spjega llum li m’hemmx iż-żmien biex issir dil-proċedura kollha sa għada filgħaxija.

Matthew Scerri

Illum inkunu nafu jekk Ronaldo hux se jkun jista’ jilgħab kontra Barcellona

Illum hi ġurnata importanti biex inkunu nafu jekk Ronaldo fieqx mill-Covid-19 u fl-istess ħin insiru nafu jekk huwiex se jkun jista’ jilgħab kontra Barcellona bħal-lum ġimgħa. Fil-fatt illum se jsirlu swab test ieħor. Infakkru li skont il-protokoll tal-Uefa, plejer ikun jista’ jilgħab fil-kompetizzjonijiet Ewropej jekk ikun ilu ġimgħa negattiv għall-virus.

Matthew Scerri

Il-Ministru: “Nemmen li Ronaldo kiser il-protokoll”

F’intervent waqt il-programm Il Mix delle Cinque imxandar fuq Radio 1 il-Ministru tal-Isports, Spadafora sostna li jemmen li Ronaldo kiser il-protokoll. Fi kliemu la darba ma kienx hemm il-permessi mill-awtoritajiet, Ronaldo jista’ jitqies li kiser il-protokoll.

Infakkru li Ronaldo u xi plejers oħra Juventini ma baqgħux fl-iżolament ‘fiduciario’ peress li riedu jmorru jilagħbu għat-tim nazzjonali tagħhom. Il-problema tibqa’ li hemm protokolli differenti f’diversi oqsma, f’diversi pajjiżi u saħansitra l-Uefa għandha protokolli differenti minn dawk tal-FIGC.

Matthew Scerri

Ronaldo wasal Turin

Cristiano Ronaldo wasal lura Turin b’titjira privata fqu ajruplan apposta armat b’apparat mediku. Hu twassal fl-ajruport ta’ Lisbona permezz ta’ ambulanza u mal-wasla tiegħu f’Turin sab ambulanza oħra tistennieh u li ħaditu sad-dar privata tiegħu. Interessanti li fil-Portugall il-kwarantina stabbilita bil-liġi hi ta’ 14-il jum, filwaqt li l-Gvern Taljan niżżilha għal 10 ijiem. Ovvjament qabel ma jirriżulta negattiv, Ronaldo mhux se jkun jista’ joħroġ.

Matthew Scerri