Posts

Suarez jikkonferma li kien jaf id-domandi minn qabel

La Repubblica qed tirraporta li Luis Suarez intalab jagħti x-xhieda tiegħu u kkonferma li kien jaf minn qabel id-domandi tal-eżami tat-Taljan. Suarez mhux qed ikun indagat u ntalab jagħti x-xhieda tiegħu inkwantu ‘persona informata dei fatti.”

Matthew Scerri

Għadha għaddejja l-investigazzjoni b’rabta mal-eżami ta’ Suarez

Tkompli għaddejja l-investigazzjoni tal-Procura ta’ Perugia dwar l-allegat tbagħbis fl-eżami ta’ Suarez. Qed ikun irrapurtat li l-investigazzjoni tista’ tieħu sa massimu ta’ erba’ xhur oħra. Jidher li l-Maġistrat għandu f’idejh xi email li uffiċċjali tal-Università ta’ Perugia bagħtu lil Suarez. Fl-emails hemm id-domandi li kienu se jagħmlulu u t-tweġibiet li kellu jagħti. L-investigazzjoni qed tipprova tistabilixxi kienx hemm xi ħaġa irregolari li wasslet biex Juventus f’daqqa waħda għażlu li jwaqqfu n-negozjati ma’ Suarez u ħadu attakkant ieħor. Fi kliem ieħor se jkun stabbilit jekk kinitx biss għażla sportive jew inkella kienx hemm xi ħaġa warajha.

Matthew Scerri

Il-Ministru De Micheli: “Paratici talabni biss informazzjoni”

Il-Ministru Paola De Micheli kellha l-opportunità li tagħti l-verżjoni tagħha dwar it-telefonata ta’ Paratici. Mistiedna fuq il-programm ta’ Rai 3, Che tempo che fa, il-Ministru stqarret: “Paratici talabni informazzjoni dwar il-proċedura biex tinkiseb iċ-ċittadinanza. Ma tkellimniex dwar l-eżami ta’ Suarez. Peress li m’iniex kompetenti f’dawn l-affarijiet għidt lil Paratici biex ikellem lil min hu ikkonċernat. Intlabt nagħti informazzjoni u tajt informazzjoni.”

Matthew Scerri

X’qal Paratici dwar il-każ ta’ Suarez

“Ninsab trankwill.” Hekk stqarr Paratici qabel Juventus-Torino meta kien mistoqsi dwar il-każ ta’ Suarez. Hu sostna li l-pożizzjoni ta’ Juventus hi ċarissima wara l-istqarrija tal-bieraħ. Mistoqsi dwar telefonata li hu kien għamel lill-Ministru Paolo De Micheli biex jitlob informazzjonijiet dwar il-proċedura tal-ksib taċ-ċittadinanza Taljana, Paratici spjega li hu ilu żmien twil jaf lill-Ministru. Sostna li jafu lil xulxin sa minn meta kienu tfal peress li twieldu u għexu fl-istess belt. Paratici temm jgħid: “Li ssaqsi għal informazzjoni mhuwiex reat.”

Matthew Scerri

X’qed jirriskjaw Juventus?

Malli sar magħruf li Fabio Paratici rċieva Informazione di Garanzia b’rabta mal-każ Suarez, mill-ewwel bdew ħafna spekulazzjonijiet dwar x’jistgħu jeħlu Juventus jekk Paratici jinstab ħati (jekk jinstab ħati għax s’issa ħadd għadu ma tressaq il-Qorti!). Fuq xi siti, speċjalment l-aktar dawk li huma kontra Juventus, intqal li hemm ir-riskju li Juventus jkollhom jinżlu fis-Serie B. F’dan l-istadju, għallinqas mill-akkużi li qed isiru bħalissa, jidher li m’hemm l-ebda riskju li Juventus ma jibqgħux fis-Serie A. Il-Qorti ta’ Perugia għadha trid tibda l-kumpilazzjoni tal-każ u wieħed irid jara jekk effettivament Paratici huwiex se jinstab ħati. Jista’ jkun ukoll li fil-verità hu qatt ma jitressaq il-Qorti ladarba ma jkunx hemm biżżejjed provi kontrih. Il-Qorti, jekk issib lil Paratici ħati, m’għandha l-ebda trid li twaqqa’ lil Juventus fis-Serie B. Eventwalment ikun imiss imbagħad lill-Giustizia Sportiva li tuża s-sentenza tal-Qorti biex tieħu l-passi meħtieġa fil-konfront ta’ Paratici u Juventus (li ma jkollhomx responsabbiltà diretta, imma jkollhom responsabbiltà oġġettiva għax uffiċċjal tagħhom wettaq xi ħaġa irregolari li minnha setgħu ħadu xi tip ta’ vantaġġ). Ma tantx jeżistu każijiet simili għal dak ta’ Suarez u allura diffiċli ngħidu eżattament liema huma l-passi li jistgħu jittieħdu fil-konfront ta’ Paratici u Juventus min-naħa tal-Giustizia Sportiva. Skont diversi esperti, però, kollox probabbilment se jwassal għal multa qawwija għal Juventus u sospensjoni għal diversi xhur għal Paratici.

Matthew Scerri

Liema huma l-akkużi li qed jittressqu fil-konfront ta’ Paratici

Juventus FC ikkonfermaw li Fabio Paratici jinsab taħt investigazzjoni mill-Qorti ta’ Perugia u rċieva Informazione di garanzia. Hu qed ikun investigat u jista’ jkun mixli fil-Qorti li kiser l-artiklu 371 bis tal-Kodiċi Penali. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li għalissa Paratici qed ikun akkużat li ma għaddhiex l-informazzjoni kollha jew gideb lill-Maġistat b’rabta mal-każ tal-allegat tbagħbis fl-eżami tat-Taljan ta’ Suarez. S’issa la Paratici u lanqas Juventus FC għadhom ma ġewx akkużati li kellhom sehem dirett fil-manuvri li saru biex Suarez jingħata għajnuna  biex jgħaddi mill-eżami u jikseb iċ-ċittadinanza Taljana.

Matthew Scerri