Posts

Il-Juve għandhom l-arma sigrieta biex jegħlbu lil Inter

Dusan Vlahovic huwa eżempju partikulari ta’ supereroj. Ma jilbisx libsa jew mantelli speċjali, m’għandux id-don li jsir inviżibbli, u lanqas li jiċkien lilu nnifsu jew ipoġġi l-ħżiena fil-gaġeġ ġewwa xibka ta’ brimba. Is-setgħat tiegħu huma kollha kkonċentrati f’saqajh u f’rasu u l-uniku appoġġ tiegħu huwa ballun: kull darba li jara wieħed, jattirah lejh bħallikieku kienet kalamita u mbagħad jitfaw fix-xibka. Il-missjoni tiegħu hi li jirritorna l-kuruna mitlufa lis-Sinjura tiegħu, sabiex din tkun tista’ terġa’ tkun ir-reġina tas-Serie A. Super Vlahovic għandu l-virtù tal-kbar, l-virtú li tkun deċiżiv. U bħall-karattri mitoloġiċi kollha, dejjem iħobb jagħżel xi ħaġa oriġinali biex jiċċelebra għeluq sninu. Sentejn ilu ffirma l-kuntratt ma’ Juventus, l-istaġun li għadda reġa’ rritorna fil-grawnd wara waqfa twila kkaġunata minn pubalġija u fl-2024 skurja gowl, is-sitt tax-xahar ta’ Jannar, sar l-aktar plejer prolifiku tal-ewwel xahar tas-sena l-ġdida tal-aqwa 5 kampjonati Ewropej. Wara d-draw ma’ Empoli, u s-‘sorpasso’ ta’ Inter, il-Bianconeri qed jserħu fuqu fil-ġimgħa ta’ qabel id-derby Taljan.

Sadanittant, iżda, Vlahovic ħa x-xettru ta’ re tal-kampjonat fix-xahar li għadu kif intemm, bl-iskor impressjonanti ta’ 6 ċentri f’4 logħbiet, ħalla warajh mhux biss lill-plejer ta’ Inter Lautaro (4 iżda b’logħba inqas), il-plejer ta’ Milan Loftus-Cheek (4 f’4) u l-plejer ta’ Empoli Zurkowski (4 f’3), iżda wkoll il-plejers barranin Morata, Ferran Torres u Fullkrug (kollha 4 f’3).
Il-bniedem tat-tim ta’ Jannar iġiegħel lil DV9 jidher tajjeb u jagħmillu ferħan, għalkemm is-Sibt filgħaxija kien ikun ferħan li kieku Juve għelbu lil Empoli. Dusan ħalla l-grawnd furjuż fid-draw wara 90 minuta milgħuba mija fis-siegħa, li matulhom mess 46 ballun u kien l-aħjar tal-Bianconeri għal xutt fil-mira (2) u r-recovers (6).

Żewġ fatti li jenfasizzaw ix-xewqa li jiskurja iżda wkoll li jgħin lil sħabu: Vlahovic biddel il-ġilda tiegħu fl-aħħar xahar, sar aktar kirurġiku (kull ma għandu bżonn huwa opportunità waħda biex jibdluh f’gowl) iżda fl-istess ħin sar ‘team player’ u bniedem aktar deċiżiv quddiem il-lasta. Dejjem kien bil-ġuħ, issa żied iċ-ċarezza u l-‘match fitness’: 12-il ċentru, diġà 2 aktar mit-total tal-istaġun li għadda, wieħed kull 111 minuta fis-Serie A.

“Il-klassifika hija qasira, il-kampjonat għadu twil u ma rridux nagħmlu kalkoli”, kiteb l-attakkant Serb fuq Instragam wara d-drow kontra Empoli. Messaġġ lin-Nerazzurri, li lbieraħ filgħaxija reġgħu kisbu l-quċċata tal-klassifika.

Fi Frar żewġ staġuni ilu Vlahovic iċċelebra l-ewwel gowl tiegħu bħala plejer ta’ Juventus ma’ Verona, xutt fatali tax-xellug assistit minn Paulo Dybala, u mbagħad skorja doppjetta fir-rebħa barra minn darhom 3-2 kontra Empoli. L-istaġun li għadda, fl-istess xahar, doppjetta oħra, din id-darba kontra Salernitana. Dusan hu l-aqwa skorer tas-Sinjura barra minn darhom (5 goals, wieħed aktar minn Chiesa) u San Siro bil-maestà imponenti u l-istorja taghha hija biss post ghas-superheroes, fejn l-impossibbli jista jsir possibbli u l-ħolm jinbidel f’realtà. L-għan ta’ Dusan hu li jerġa’ jpoġġi l-kuruna fuq ras nobbli tas-Sinjura tiegħu: diffiċli timmaġina li lbieraħ Super Vlahovic seta’ esprima xewqa oħra għajr din billi nefaħ l-24 xemgħa tiegħu.

Pierre Bonavia

(meħud u tradott mill-edizzjoni tat-Tnejn 29 ta’ Jannar 2024 tal-Gazzetta dello Sport)

 

 

Prev 1 of 1 Next
Prev 1 of 1 Next