Torino

Il-belt ta’ Turin hi ċ-ċentru politiku u amministrattiv ewlieni tar-reġjun Taljana tal-Piemonte, kif ukoll hi belt mimlija storja, arti u kultura. Orġinarjament imwaqqfa mir-Rumani, Turin matul is-snin dejjem okkupat rwol importanti fl-istorja. B’mod partikolari Turin tibqa’ magħrufa talli kienet l-ewwel belt kapitali tal-Italja fl-1861, anzi kienet proprju mill-istruttura politika tar-Renju tal-Piemonte u s-Sardegna, bil-kapitali tiegħu f’Turin, li ngħata bidu għall-unifikazzjoni tal-Italja.

Turin hi belt nobbli u aristokatika li taf l-identità tagħha lill-House of Savoy li żammet kontroll politiku fuq Turin għal mijiet ta’ snin. Il-preżenza f’Turin tal-House of Savoy kien determinanti biex il-belt setgħet tistagħna u ssir ċentru importanti ta’ kultura. Għal din ir-raġuni fil-belt insibu eżempji mill-aqwa ta’ arkitettura Barokka, Rococo, Neo-klassika u Art Nouveau. Il-maġġor parti tal-palazzi fiċ-ċentru ta’ Turin (bħal pereżempju Palazzo Madama) kienu ddisinjati mill-arkitett Filippo Juvarra b’taħlita ta’ stil Barokk u Klassiku tipo Versailles. Famużi ferm il-palazzi fil-periferija ta’ Turin u li jappartjenu lil House of Savoy, speċjalment Palazzina di caccia di Stupinigi u Venaria Reale.

Mil-lat tal-kwalità tal-ħajja, Turin hi belt kwieta minkejja li għandha popolazzjoni ta’ żewġ miljun persuna. L-ambjent hu suġġestiv immens grazzi għall-preżenza tal-muntanji tal-Alpi u x-xmara Po li taqsam lill-belt. Biżżejjed li wieħed jivvjaġġa ftit minuti miċ-ċentru tal-belt li jsib ruħu fil-kampanja spettakolari tal-periferija ta’ Turin. Sestriere u Bardonecchia huma skying resorts popolari ferm fl-Italja, filwaqt li fil-bqija tal-kampanja hemm produzzjoni agrikolari mill-ifjen, speċjalment fil-kamp tal-inbid.

It-turist li jżur Turin isib ħafna postijiet ta’ interess: mużewijiet, knejjes, palazzi, teatri. Magħrufin mad-dinja kollha huma l-Liżar ta’ Kristu, li jinsab fid-Duomo ta’ Turin u li skont it-tradizzjoni Kristjana hu l-liżar li ntuża’ għad-difna ta’ Kristu; kif ukoll il-Mużew Eġizju, l-ikbar wieħed fid-dinja wara dak tal-Kajr. Is-simbolu tal-belt hu rappreżentat mill-Mole Antonelliana, struttura stupenda li llum tospita l-mużew taċ-ċinema. Dawn l-attrazzjonijiet turistiċi u oħrajn, jagħmlu Turin waħda mill-250 bliet bl-ikbar numru ta’ viżitaturi fid-dinja, kif ukoll tifforma parti mill-għaxar bliet l-akbar numru ta’ turisti fuq it-territorju Taljan.

Finalment Turin hi wkoll belt industrijali, anzi tagħmel parti mit-trijanglu industrijali flimkien ma’ Milan u Genova. Il-FIAT hu koloss industrijali u għen lin-nazzjon Taljana tieħu spinta fil-proċess ta’ industrijalizzazzjoni wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Għall-aħbarijiet aġġornati fuq l-attivitajiet kulturali, informazzjoni fuq l-akkomodazzjoni fil-belt ta’ Turin inħeġġek iżżur il-websites: www.visitatorino.com u www.comune.torino.it/canaleturismo.

torino

Opportunitajiet għas-supporters Juventini

Il-membri tal-Club tagħna li huma tesserati fil-Juventus DOC jistgħu japplikaw, matul il-mawriet tagħhom f’Turin, għall-Walk About u d-dħul fit-training grawnds ta’ Vinovo. Iċ-Centro Coordinamento Juventus Club jorganizza minn żmien għal żmien open days fit-training grawnds ta’ Vinovo fejn is-supporters jkunu jistgħu jassistu għat-training tal-iskwadra Bianconera mit-tribuna mħejjija apposta. Il-Kumitat jagħmilha ċara li Vinovo jkun miftuħ għas-supporters biss fid-dati mħabbra miċ-Centro Coordinamento. Barra dawn id-dati ma jkunx possibbli li niksbu permessi għad-dħul f’Vinovo.

Attività oħra li għaliha t-tesserati fil-Juventus DOC jistgħu jipparteċipaw hi l-Walk About, jiġifieri dawra fid-dressing rooms u fil-pitch tal-istadio Olimpico ta’ Turin qabel il-partita.

Il-Club jagħmel l-arranġamenti għall-membri li jkunu jridu jinkitbu għal dawn iż-żewġ attivitajiet. Nagħmlu appell biex min ikun interessat javżana kemm jista’ jkun kmieni peress li l-postijiet disponibbli jkunu ftit u rridu nikkompetu għalihom mas-supporters tad-dinja kollha. Il-postijiet jiġu assenjati miċ-Centro Coordinamento fuq il-bażi ta’ first come first served.

juve_torino