Ġimgħa ‘l bogħod minn Juventus-Napoli u għadna bla deċiżjoni!by Aleandro Bartolo
Għaddiet ġimgħa minn Juventus-Napoli u għadna ma nafux x’se jiġri minn dil-partita. Għaddiet ġimgħa li fiha rajna s-soltu teatrin b’kulħadd jiftaħ ħalqu biex jinsulta lil Juventus u intant il-Federazzjoni għaddejja b’manuvri minn taħt biex jinstab kompromess ħalli Napoli ma jkunux milquta kif suppost għadhom ikunu. Smajna lill-President tar-Reġjun tal-Campania, De Luca jiċħad li Napoli għamlu pressjoni biex jinħarġu d-dokumenti ħalli ma jkollhomx għalfejn jinżlu għall-partita (De Luca li tajjeb infakkru hu ħabib kbir ta’ De Laurentis). Saħansitra De Luca stqarr li kliem Agnelli kien tal-mistħija u sostna li kieku hu ġab ruħu bħall-President Juventin kien iħoss li tilef l-‘unur sportiv’ għax ma rrispettax lill-avversarji u ried jirbaħ kontra tim impoġġi fi kwarantina (nesa li Agnelli qal ċar u tond li Juventus iħobbu jirbħu fil-grawnd). U ħafna paroli fil-vojt iktar ta’ dan it-tip, fosthom anki ħafna ineżattezzi (pereżempju għalih il-protokoll tal-FIGC hu biss dokument privat, mentri fil-verità hu dokument approvat mill-Ministeru tas-Saħħa u t-timijiet fl-Italja jistgħu jilagħbu biss għax jeżisti dad-dokument; u dan hu konfermat minn ċirkolari tal-istess Ministeru, liema ċirkolari lanqas biss issemmiet fl-ittra li nħarġet mill-awtoritajiet tar-Reġjun u li Napoli għaddew lil-Lega).
Bħal dejjem, meta persuna mid-dinja tal-futbol Taljan tisfa’ taħt il-mira tal-kritika l-aħjar mod li ssib biex tiddefendi ruħha hi li tinfexx tgħajjar lil Juventus. Il-verità hi li l-Lega ddeċidiet darbtejn li d-dokumenti li ppreżentawlhom Napoli ma kinux jagħtuhom raġun u ddeċidiet li l-partita kellha tintlagħab. Fid-dawl ta’ did-deċiżjoni Juventus niżlu għall-partita, kif kien fid-dmir tagħhom li jagħmlu. Jekk De Luca ħassu offiż li l-karti tiegħu ma ntlaqgħux, kien imissu għajjar lil-Lega u mhux lil Juventus. L-‘unur sportiv’ semmai tilfitu l-Lega u mhux Juventus. U li kieku kien vera politakant tal-affari tiegħu, kien jieħu passi kontra Napoli li bl-aktar mod irresponsabbli ma segwewx il-protokoll bil-konsegwenza li kellha tidħol fl-istorja l-ASL, liema ASL ma kienet qatt tkun involuta li kieku Napoli segwew il-protokoll!
Għaddiet ġimgħa, għidna, u forsi bejn għada u t-Tlieta jkollna l-verdett tal-giustizia sportiva. Tajjeb infakkru li l-ewwel proċess ta’ Calciopoli kien qata’ s-sentenza kontra Juventus f’temp ta’ 11-il ġurnata. Is-sentenza dwar Juventus-Napoli se tieħu kważi l-istess tul ta’ żmien. Dan kollu għax ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà li jieħu deċiżjoni. Kif ktibt aktar kmieni dil-ġimgħa, il-kwistjoni hija kumplessa, verissimu, imma jrid ikollna sentenza. U fil-fehma tiegħi l-kwistjoni hi sempliċi: jew Napoli mhumiex ħajta u allura ma jeħlu xejn, jew inkella huma ħatja u allura trid tiġi applikata r-regola li hemm, jiġifieri telfa walkover. L-imħallef qiegħed hemm biex jagħmel xogħlu fl-aħjar interess tal-ġid komuni. Żgur mhux qiegħed hemm għal-lobbying jew biex isib kompromessi li ma jurtawx lill-politikanti.
Matthew Scerri