TURIN
IL-BELT
Il-belt ta’ Turin hi ċ-ċentru politiku u amministrattiv ewlieni tar-reġjun Taljana tal-Piemonte, kif ukoll hi belt mimlija storja, arti u kultura. Orġinarjament imwaqqfa mir-Rumani, Turin matul is-snin dejjem okkupat rwol importanti fl-istorja. B’mod partikolari Turin tibqa’ magħrufa talli kienet l-ewwel belt kapitali tal-Italja fl-1861, anzi kienet proprju mill-istruttura politika tar-Renju tal-Piemonte u s-Sardegna, bil-kapitali tiegħu f’Turin, li ngħata bidu għall-unifikazzjoni tal-Italja.
Turin hi belt nobbli u aristokatika li taf l-identità tagħha lill-House of Savoy li żammet kontroll politiku fuq Turin għal mijiet ta’ snin. Il-preżenza f’Turin tal-House of Savoy kien determinanti biex il-belt setgħet tistagħna u ssir ċentru importanti ta’ kultura. Għal din ir-raġuni fil-belt insibu eżempji mill-aqwa ta’ arkitettura Barokka, Rococo, Neo-klassika u Art Nouveau. Il-maġġor parti tal-palazzi fiċ-ċentru ta’ Turin (bħal pereżempju Palazzo Madama) kienu ddisinjati mill-arkitett Filippo Juvarra b’taħlita ta’ stil Barokk u Klassiku tipo Versailles. Famużi ferm il-palazzi fil-periferija ta’ Turin u li jappartjenu lil House of Savoy, speċjalment Palazzina di caccia di Stupinigi u Venaria Reale.
Mil-lat tal-kwalità tal-ħajja, Turin hi belt kwieta minkejja li għandha popolazzjoni ta’ żewġ miljun persuna. L-ambjent hu suġġestiv immens grazzi għall-preżenza tal-muntanji tal-Alpi u x-xmara Po li taqsam lill-belt. Biżżejjed li wieħed jivvjaġġa ftit minuti miċ-ċentru tal-belt li jsib ruħu fil-kampanja spettakolari tal-periferija ta’ Turin. Sestriere u Bardonecchia huma skying resorts popolari ferm fl-Italja, filwaqt li fil-bqija tal-kampanja hemm produzzjoni agrikolari mill-ifjen, speċjalment fil-kamp tal-inbid.
It-turist li jżur Turin isib ħafna postijiet ta’ interess: mużewijiet, knejjes, palazzi, teatri. Magħrufin mad-dinja kollha huma l-Liżar ta’ Kristu, li jinsab fid-Duomo ta’ Turin u li skont it-tradizzjoni Kristjana hu l-liżar li ntuża’ għad-difna ta’ Kristu; kif ukoll il-Mużew Eġizju, l-ikbar wieħed fid-dinja wara dak tal-Kajr. Is-simbolu tal-belt hu rappreżentat mill-Mole Antonelliana, struttura stupenda li llum tospita l-mużew taċ-ċinema. Dawn l-attrazzjonijiet turistiċi u oħrajn, jagħmlu Turin waħda mill-250 bliet bl-ikbar numru ta’ viżitaturi fid-dinja, kif ukoll tifforma parti mill-għaxar bliet l-akbar numru ta’ turisti fuq it-territorju Taljan.
Finalment Turin hi wkoll belt industrijali, anzi tagħmel parti mit-trijanglu industrijali flimkien ma’ Milan u Genova. Il-FIAT hu koloss industrijali u għen lin-nazzjon Taljana tieħu spinta fil-proċess ta’ industrijalizzazzjoni wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Għall-aħbarijiet aġġornati fuq l-attivitajiet kulturali, informazzjoni fuq l-akkomodazzjoni fil-belt ta’ Turin inħeġġek iżżur il-websites: www.visitatorino.com u www.comune.torino.it/canaleturismo.
AKKOMODAZZJONI
HOTEL CONCORD
Il-Club joffri mingħajr ebda obbligazzjoni marbuta max-xiri ta’ biljetti, akkomodazzjoni bi prezzijiet vantaġġjużi ħafna u esklussivi għall-membri tal-Club biss ġewwa l-Hotel Concord. Din il-lukanda ewlenija ta’ 4 stilel tinsab fil-qalba taċ-ċentru kummerċjali ta’ Turin u fil-passat reċenti kienet isservi wkoll bħala l-lukanda uffiċjali ta’ Juventus.
Il-prezzijiet (Superior u Deluxe rispettivament) li jinkludu buffet breakfast abbondanti u varjata sew huma :-
- Kamra Single kull lejl – €110 jew €120
- Kamra Twin jew Double kull lejl – €125 jew €135
- Kamra Triple kull lejl – €150 jew €160
Il-ħlas isir ġewwa l-lukanda stess u t-taxxa ta’ Turin ta’ €3.70 kull lejl kull persuna sa massimu ta’ 4 iljieli mhix inkluża fil-prezz. Ir-riservazzjoni dejjem tkun suġġetta għad-disponibilità tal-kmamar u tkun ikkonfermata ftit tal-ġranet wara hekk kif tirċievu lura email mingħandna bil-konferma sabiex tippreżentawha fil-lukanda mal-wasla tagħkom.
Sabiex tirriserva kamra intom mitluba tħallu d-dettalji tagħkom fl-applikazzjoni hawn taħt. Meta jaslulna d-dettalji nikkuntattjawkom aħna lura.
Ir-riservazzjoni tista’ ssir wkoll ġewwa l-uffiċju tal-Club.