44 sena ilu twaqqaf il-Juventus Club (Malta)

MatthewJuve News 2 Comments

Illum qed niċċelebraw l-isbaħ u l-iktar anniversarju għal qalbna, dak tat-twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975). Kien proprju fit-13 ta’ April 1975 li ssejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-Club u dakinhar kien imwaqqaf uffiċjalment il-Club tagħna.

Ftit xhur qabel, preċiżament fit-8 ta’ Frar 1975, fil-gazzetta ‘Il-Ħajja’ deher avviż li permezz tiegħu l-Juventini kollha ta’ dawn il-gżejjer ġew mistiedna jingħaqdu u jerġgħu jagħtu ħajja ġdida lill-Club Nazionale Amici della Juve (Malta), li kien imwaqqaf f’Malta fl-1964 u li kien spiċċa fix-xejn ftit snin wara.

L-avviż tal-1975 kien sar minn Tony Dimech, illum wieħed mill-Presidenti Onorarji tal-Club, li fl-avviż stieden lil dawk kollha interessati b’dan il-kliem: “Il-partitarji kollha juventini li jixtiequ jsiru membri tal-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) huma ġentilment mitluba jiktbu u jibagħtu 1c 5m f’bolol lil Tony Dimech, Barbara Bastion, il-Belt.”

L-inizjattiva ta’ Tony Dimech qanqlet mill-ġdid l-interess ta’ diversi Juventini Maltin, fosthom in-Nutar Cachia u Manwel Scerri. Huma bdew jiltaqgħu u jaraw kif setgħu jħejju għat-twaqqif tal-Club il-ġdid fuq bażi iktar sodi minn dawk tas-Snin Sittin.

Fis-16 ta’ Marzu 1975, fil-Każin tal-Banda La Vallette fil-Belt, saret laqgħa informali għal dawk kollha interessati f’din l-inizjattiva. Dakinhar inħatret Kummissjoni Speċjali bl-għan li tħejji l-preparattivi u s-sejħa għal-Laqgħa Ġenerali li fiha kellu jitwaqqaf uffiċjalment il-Club u jinħatar l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li kellu jmexxi lill-Club.

Il-Kummissjoni sejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali fl-istorja tal-Club nhar il-Ħadd 13 ta’ April 1975 u għaliha kien preżenti 46 persuna. Għal darb’oħra intużat is-Sala tal-Każin La Vallette. Il-Laqgħa Ġenerali approvat it-twaqqif tal-Club bl-isem ta’ Juventus Club (Malta) fost entuzjażmu kbir ta’ dawk kollha preżenti.

Matul il-Laqgħa ġie wkoll elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li mexxa lill-Club għas-sena 1975/76. In-Nutar Joseph Cachia bħala Chairman u s-Sinjuri Richard Muscat u Robert Caruana kienu magħżula biex imexxu l-elezzjoni. Immedjatament iċ-Chairman staqsa min fost il-membri preżenti xtaq jikkontesta l-elezzjoni. Kien hemm ħdax-il persuna interessata, fosthom anki mara (ħaġa mhux daqstant komuni għal dawk iż-żminijiet meta n-nisa ftit li xejn kienu jinteressaw ruħhom fil-futbol). Minn dawn kellhom jintgħażlu seba’ persuni biex jiffurmaw l-ewwel kumitat. Wara li ntlaqgħu n-nominazzjonijiet kollha, beda l-proċess tal-votazzjoni. Ir-riżultat tal-votazzjoni kien:

Riżultati tal-votazzjoni għall-Kumitat 1975/76
Tony Dimech 46 vot
Manwel Scerri 42 vot
Joseph Aloisio 40 vot
Carmelo Vella 38 vot
Albert Callus 36 vot
Charles Galea 28 vot
Publius Vassallo 22 vot
Joe Attard u Josephine Galea 20 vot
Mario Troisi 14-il vot
Lino Bonello 10 voti

Bil-qari tar-riżultat tal-votazzjoni, saru magħrufa l-ismijiet tal-ewwel seba’ eletti li ffurmaw l-ewwel Kumitat Eżekuttiv fl-istorja tal-club li kellu jservi għall-perjodu ta’ sena 1975/76.

Fi tmiem il-laqgħa, in-Nutar Joseph Cachia u s-Sur Franco Facchetti (illum t-tnejn mejta) kienu unanimament maħtura l-ewwel Presidenti Onorarji fl-istorja tal-Club bħala rikonoxximent għall-ħidma, il-kollaborazzjoni u l-għajnuna bla qies li taw biex setgħet tibda t-triq twila iżda glorjuża tal-Juventus Club (Malta).

Minn dakinhar għaddew 43 sena. Tlieta u erbgħin sena ta’ storja rikka immens, snin ta’ ħbiberija u għaqda li dejjem irrenjat fil-Club tagħna, snin ta’ imħabba inkundizzjonata lejn it-tim Juventin. Illum ninsabu kburin immens li l-Club wasal għal dan l-anniversarju u ninsabu konvinti li għad fadallu ħafna paġni sbieħ x’jikteb.

Matthew Scerri u Manwel Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Comments 2

  1. Ad Multos Annos. Bhala membru nibghat l-isbah xewqat lill Juventini kollha f’Malta, u l-aktar lill-membri tal-Kumitat tal-club taghna. Forza Juve, fino alla fine.

  2. Nawgura hafna aktar snin ta’ hidma ghall-Club taghna. Jien kont dhalt membru dakinhar.
    Fit-22 ta’ Marzu 1975 izzewwigt u l-gimgha ta’ wara kont ma’ marti fil-Comunale nassisti ghad-derby li t-Torino kienu rebhu 3-2, bil-goal tar-rebha jasal fl-ahhar minn Zakkarelli.
    Konna morna l-Club tal-Juve u meta ghedtilhom bil-club il-gdid tawni basket mimli photo cards tat-team u bnadar tal-Juve zghar tal-plastic triangle. Meta wasalt lura Malta mill-honeymoon tajthom lill-club. Jekk mhux sejjer zball il-kumitat beda jaghti wahda minn kull wahda lill-membri l-godda.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *