La Penna mill-ġdid ma’ saqajna … ftit riflessjonijiet

MatthewJuve News Leave a Comment

Intom li ssegwu dal-blog tafu tajjeb li ma tantx inħobbu nitkellmu dwar referees. La jinteressana wisq u lanqas inħossu li hu argument daqstant rilevanti. Kulma nagħmlu hu li mwasslu l-lista ta’ referees magħżula għall-partita mingħajr ma nikkummentaw wisq. Illum imma nħossu li kumment għandna ngħadduh hekk kif tħabbar li r-Raba’ Uffiċċjal ta’ Cagliari-Benevento se jkun La Penna, l-istess referee li tant ħawwad waqt Juventus-Fiorentina. Kienu qalulna li kellu jibqa’ wieqaf għal xahar bħala penitenza. Ovvjament xejn minnu u dawk il-ħafna artikli tal-gazzetti riedu biss jgħaddulna s-soltu messaġġ: min jiżbalja kontra Juventus ikollu jħallas u hu għalhekk li r-referees qatt ma jieħdu deċiżjonijiet kontra l-Bianconeri. Teorija li qatt ma sabet ebda konferma fir-realtà (nafu imma li l-gideb xi kultant jitmewwen iktar mill-verità!). Ir-referees jiżbaljaw għax huma nies bħal kulħadd u ġieli jiżbaljaw għax mhumiex tal-livell meħtieġ. Li fl-epoka tal-VAR għadna naraw ċerta affarijiet hi minnha nnifisha ħaġa li turi l-medjokrità ta’ uħud mir-referees. Ma nemmnux imma li referee jieħu deċiżjoni favur jew kontra biex jgħin lil tim fuq ieħor. Qatt m’emminniha meta kienu jgħiduha kontrina u lanqas se nużawha issa bħala alibi għal staġun diffiċli bħal dan. Min imexxi lir-referees, però, għandu bżonn jara x’se jagħmel biex jgħolli l-kwalità tar-referees u biex itejjeb l-użu tal-VAR. Dak li rajna mir-referee La Penna waqt Juventus-Fiorentina ma wassalx għat-telfa ta’ Juventus, imma żgur li hu inaċċettabbli li tara referee jimxi b’dak il-mod. Nisperaw li ma narawx iktar affarijiet hekk fis-Serie A!

Matthew Scerri

Share with your Bianconeri friends!Share on Facebook
Facebook
Tweet about this on Twitter
Twitter
Print this page
Print
Email this to someone
email

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *