Ħamsa u tletin sena ilu Giampiero Boniperti kien fostnaby Aleandro Bartolo
Illum qed niċċelebraw rikorrenza importanti hekk kif proprju bħal-lum ħamsa u tletin sena ilu kien fostna Giampiero Boniperti. Hawn taħt qed inġibu silta mill-ktieb Iswed u Abjad. L-40 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975) fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar din iż-żjara storika.
Boniperti u l-ġerarkija Juventina fostna
Meta l-eku tas-suċċessi tal-era Platini u Boniek beda jitbiegħed u l-Juventus bdew it-triq biex jaffrontaw perjodu diffiċli, fl-Lulju tal-1987 f’Malta ġriet bħal berqa l-aħbar li fil-polza tat-Tazza UEFA it-tim Malti, Valletta FC, ġie mlaqqa’ ma’ Juventus.
Wieħed jista’ jimmaġina l-fervent, l-entużjażmu u l-istennija għal dik il-ġurnata f’Settembru li l-Juventus ta’ Tacconi, Cabrini, Bonini, Laudrup, immexxija mill-kowċ Rino Marchesi, kellhom jinżlu għal-logħob fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali.
Wasal Settembru u l-iskwadra kollha Juventina ġiet Malta, immexxija mill-President, Giampiero Boniperti u mill-ġerarkija kollha tal-klabb. Il-Kumitat tal-Juventus Club (Malta) kien ħadem bis-sħiħ malli tħabbret il-polza biex ma taħrablux din l-okkażjoni speċjali.
Infatti kien fil-15 ta’ Settembru, lejlet il-partita, li delegazzjoni tal-Kumitat tal-klabb, immexxija mill-President u s-Segretarju, marret il-lukanda fejn kien alloġġjat it-tim Juventin u minkejja s-sigurtà stretta, b’mod jew ieħor stenniet sa wara l-ikel meta ħareġ il-President Boniperti li minnufih kien iffaċċjat mill-President u s-Segretarju tagħna, li stidnuh iżur il-kwartieri tal-klabb u jiltaqa’ mal-membri.
Boniperti mill-ewwel aċċetta bil-ferħ l-istedina, iżda Sergio Secco malli wasal ħdejh qallu: “President, tinsiex li llum mistednin għand l-isponsors Ariston f’villa l-Bidnija.” Immedjatament Boniperti dar lejh u b’dik it-tbissima sinjorili tiegħu qallu: “Iva naf, iżda l-iskwadra ħudha int għax ili nwegħidhom li xi darba nżur il-klabb Malti, u llejla hija l-okkażjoni t-tajba.”
Ovvjament id-diriġenti tal-klabb ħarġu sparati mill-lukanda ferħana iżda konxji mid-diffikultajiet loġistiċi li kellhom quddiemhom biex iħejju kollox f’temp ta’ ftit sigħat. Saru arranġamenti mal-Pulizija tal-Belt biex jittieħdu l-passi ta’ sigurtà u tingħalaq Strada Żakkarija bejn l-4.00 u s-6.00 ta’ wara nofsinhar. Fl-istess ħin sar ukoll sforz qawwi biex il-membri jkunu nfurmati f’temp daqshekk ristrett.
Kważi b’miraklu kollox sar fil-ħin. Boniperti flimkien mal-uffiċjali għolja ta’ Juventus FC, il-Conte Cavalli D’Olivola u Dante Grassi, wasal il-klabb. Boniperti akkumpanjat mis-Segretarju Albert Callus tela’ taraġ għoli u malli wasal ħdejn il-bieb tal-klabb kien milqugħ mill-President Manwel Scerri u l-bqija tal-Kumitat. Malli wasal fuqnett, Boniperti dar lejn Manwel Scerri u qallu: “President, kemm sibtuha fl-għoli din is-sede!” Għal dan Manwel Scerri wieġeb: “President, il-Juventus hekk jixirqilha li tkun fl-ogħla post possibbli!”
Wara li sar diskors ta’ merħba mill-President tagħna li għalih wieġeb Boniperti bi kliem ta’ tifħir għall-entużjażmu u l-attakkament tal-Maltin lejn Juventus, sar riċeviment żgħir u preżentazzjoni ta’ rigali lill-President Juventin. Wara, għal kważi siegħa sħiħa, Boniperti dar mal-membri jiffirma u jieħu r-ritratti magħhom.