Genoa-Torino u Juventus-Napoli se jkunu posposti?by zeronlg
Bejn dal-lejl u għada mistennija joħorġu r-riżultati tal-iswab tests tal-plejers ta’ Napoli wara li faqqa’ l-każ ta’ Genoa b’14-il persuna infettata. Napoli lagħbu kontrihom nhar il-Ħadd u allura hemm riskju li l-virus għadda lill-plejers Naplitani. Minħabba l-incubation period tal-virus innifsu, nhar il-Ġimgħa se jsiru swab tests oħra li r-riżultati tagħhom ikunu magħruf s-Sibt.
F’dan l-istadju għadna ma nafux jekk Genoa-Torino u Juventus-Napoli humiex se jintlagħbu. Fir-regolamenti tal-kampjonat Taljan m’hemm l-ebda regoli li tgħid li jekk ikun hemm iktar minn ċertu numru ta’ plejers infettati l-partita titħassar. L-Uefa għandha dir-regola għall-kompetizzjonijiet Ewropej (13-il plejer infettat ikun ifisser li l-partita ma tintlagħabx). Genoa għandhom għaxar plejers infettati s’issa u nemmnu li fiċ-ċirkostanzi attwali l-partita kontra Torino għandha tintlagħab f’data oħra. L-istess jgħodd għal Juventus-Napoli għax l-incubation period tal-virus hu kemxejn twil u jista’ jkun li fl-iswab tests il-virus ma jinqabadx (fil-fatt Genoa kellhom biss tnejn morda sas-Sibt li għadda u l-virus irriżulta wara l-partita). Sitwazzjoni delikata immens. Nemmnu imma li s-sens komun jitlob il-prudenza bħalissa: aħjar żewġ partiti li jintlagħbu f’data oħra milli jkun hemm erba’ timijiet tas-Serie A b’numru qawwi ta’ plejers infettati. Aħjar inwaqqfu żewġ partiti issa milli nieħdu r-riskju li jkollu jerġa’ jagħlaq kollox mill-ġdid!
Matthew Scerri