Messaġġ ta’ Awguri mill-Presidentby Aleandro Bartolo
Għeżież Membri,
F’isem il-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) u f’ismi personali nixtieq nawguralkom Milied hieni u sena 2020 mimlija risq u paċi.
Jalla s-sena d-dieħla jkollna verament sena mimlija saħħa u neħilsu darba għal dejjem mill-Covid. B’xorti ħażina ilna minn Ottubru ma nistgħux niftħu l-bibien tal-premises tagħna biex nilqgħukom. In-nuqqas tagħkom inħass sew minni u mill-membri l-oħra tal-Kumitat. Nisperaw li s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika taqleb għall-aħjar ma ddumx u nkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu magħkom mill-ġdid biex insaħħu l-ħbiberija tagħna u naqsmu flimkien il-ferħ li joħolqilna t-tim tal-qalb tagħna.
Kif kelli l-opportunità ntarrfilkom qabel, minn Marzu ‘l hawn ma bqajniex b’idejna fuq żaqqna. Ħdimna biex nsebbħu lill-premises tagħna. Dan minkejja li naqas drastikament id-dħul tagħna. Ħsibna anki li nraħħsu l-membership għal dis-sena sabiex ngħinu lill-membri fi żmien li hu diffiċli fejn bosta familji raw l-introjtu tagħhom jonqos. Nidejna logo ġdid għall-Club għalkemm sfortunatament ma stajniex norganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet li kellna ppjanati għall-45 anniversarju mit-twaqqif tal-Club. Kemm stajna żammejna kuntatt vitwali magħhom li taffa’ ftit in-nuqqas li ħassejna minn meta l-Club kellu jinżamm magħluq. Inwegħdkom li anki matul l-2021 jien u sħabi tal-Kumitat se nkomplu naħdmu għall-ġid tal-Club tagħna.
Nagħlaq b’ringrazzjamenti xieraq iktar minn qatt qabel f’dis-sena tassew stramba u diffiċli. Grazzi lil sħabi tal-Kumitat li baqgħu jiddedikaw ħinhom biex jaħdmu għal Club. Grazzi kbira lill-isponsors li baqgħu juru ġenerożità u mħabba kbira lejn il-Club tagħna minkejja l-problemi li kulħadd ħass. Fl-aħħar u mhux l-inqas, grazzi lilkom, għeżież membri li bqajtu leali lejn il-Club. Dis-sena, iktar minn qatt qabel, fhimna kemm verament intom tagħmlu lill-Club tagħna ħaj.
Awguri lil kulħadd,
Joseph Fenech
President