Bejn plusvalenze u bidliet fit-tmexxija tal-klabb. Xahrejn kruċjali għall-futur ta’ Juventusby Aleandro Bartolo
Ftit tal-ġimgħat ilu, fl-istqarrija dwar l-approvazzjoni tal-accounts tagħhom mill-Bord tad-Diretturi konna qrajna li minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja attwali Juventus jaf kien se jkollhom ibigħu xi plejers. Kitbuha huma stess u ma kinitx xi analiżi tal-ġurnalisti. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar hekk kif Juventus inqalgħu miċ-Champions League. Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Juventus mhix gravissima daqskemm ħafna qed isostnu u m’hemm l-ebda riskju ta’ falliment peress li l-proprjetajiet li għandhom u l-valur tal-plejers jagħmel tajjeb għad-dejn li nħoloq. Però hu evidenti li f’dan l-istadju Juventus iridu bilfors ibigħu numru ta’ plejers u jagħmlu l-hekk imsejħa plusvalenze ħalli jżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll f’perjodu ta’ inċertezza marbut ukoll mal-Covid-19. Diversi siti u gazzetti qed isemmu li sat-30 ta’ Ġunju (meta tintemm is-sena finanzjarja tal-klabbs Taljani) Juventus iridu jagħmlu bejn 80 u 100 miljun f’plusvalenze. L-ismijiet nafuhom: Rabiot, Ramsey, il-plejers iż-żgħar tipo Frabotta, kif ukoll il-ħafna plejers li hemm mislufin (Costa u De Sciglio fuq kulħadd). Ma’ dawn hemm anki Dybala li forsi hu l-uniku plejer li jista’ jinbigħ għal somma għolja. Xejn impossibbli. Il-problema hi u se tibqa’ marbuta mad-diriġenza. Hu open secret li xi ħaġa qed tinħema u hu probabbli ferm li Agnelli, Paratici u Nedved jitilqu lil Juventus das-sajf. Jekk il-bidla se ddum ma sseħħ, mhuwiex eskluż li dawn il-plusvalenze jaf jilħqu ma jsirux. Hu għaldaqstant importanti li s-sidien ta’ Juventus ma jdumux ma jieħdu d-deċiżjoni dwar min se jmexxi lill-klabb fl-istaġun li jmiss. Nasal ngħid li iktar mill-bidla ta’ Pirlo, illum hu fundamentali li jkun deċiż jekk Agnelli-Nedved-Paratici humiex se jibqgħu u jekk le, min se jidħol minflokhom. S’issa ħlejna staġun … nisperaw li dawn ix-xahrejn li fadal jintużaw biex jitpoġġew il-bażijiet għas-sena d-dieħla!
Matthew Scerri