Meta se nikbru?by Aleandro Bartolo
Ħafna supporters Juventini insabu kemxejn irrabjati għall-fatt li Juventus se jneħħu lil Demiral. F’dawn is-sigħat qrajt u smajt ħafna. Inħossni li qed ngħix sitwazzjoni li diġà rajna u għexna ftit tas-snin ilu meta tneħħa Caldara biex ġibna lura lil Bonucci. Nemmen li dat-trasferiment ta’ Demiral iwassalna għal numru ta’ riflessjonijiet.
Qabelxejn, ninsab konvint li Juventus ilhom snin li bidlu l-istrateġija tal-mercato tagħhom u xi ftit jew wisq tilfu l-bravura tagħhom fis-suq tat-trasferimenti. Aħna qed niskantaw li Atalanta xtraw lil Romero bi ftit flus u bigħuh għal somma kbira. Niskantaw b’dan kollu u donna ninsew li dan hu dak li dejjem għamilna aħna kemm fi żmien Moggi (Vieri, Inzaghi u bella kumpanija) kif ukoll fl-ewwel snin tal-era Marotta-Paratici (Pogba fuq kulħadd). Illum m’għandniex kapaċi naġixxu b’dal-mod. Sirna naraw l-ismijiet biss, il-plejers affermati, u t-talenti tagħna m’aħniex ngħinuhom jikbru. Plejers bħal Bentancur u Bernardeschi mhux talli mhux jikbru, talli kull sena donnhom sejrin lura u allura ħadd ma jkun iridhom (l-aktar bil-pagi li għandhom). Plejers bħal Caldara u Romero lanqas qatt lagħbu minuta magħna u nxtraw biss biex jinħolqu l-plusvalenze. Plejers bħal Demiral se jkunu telqu mingħajr ma ħadna xejn verament minnhom. Plejers bħal Fagioli, Dragusin u oħrajn bilkemm narawhom f’partita ta’ ħbiberija, aħseb u ara kemm se jilagħbu tul l-istaġun biex juru x’jafu. Inżid anki li De Ligt qatt ma rajnieh jilgħab tajjeb daqs meta kien ma’ Ajax u nemmen li taħt Allegri mhux se jkollu postu garantit biex jibqgħu jilagħbu Chiellini-Bonucci. Qed nibqgħu nġeddu kuntratti ta’ plejers kbar fl-età (il-lezzjoni Khedira-Mandzukic mili jidher ma tgħallimnihiex!) u ninsabu skjavi ta’ kuntratti mogħtija lil plejers normali tipo Szczesny, Ramsey, eċċ li huma mħallsa daqslikieku huma stilel mentri fil-verità mhumiex (u allura ħadd ma jrid jixtrihom!!). Nafu li tlifna l-opportunità li nixtru lil Donnarumma u Haaland għax ma ma stajniex neħilsu minn Szczesny u Higuain.
Issa d-domanda hi: meta se nindunaw li hemm bżonn bidla fl-istrateġija marbuta mas-suq tat-trasferimenti? McKennie s-sena li għaddiet u Kaio Jorge dis-sena huma sinjal li l-affarijiet se jinbidlu jew huma biss kumbinazzjonijiet dovuti għall-kriżi maħluqa mill-Covid-19? U nżid: meta se nibdew naħdmu serjament biex insibu sostituti validi għal plejers li nafu li għamlu żmienhom (tipo Alex Sandro)? Meta se nibdew inħarsu b’mod ħolistiku lejn staġun sħiħ minflok nibdlu fehemtna fuq plejer sempliċiment għal ikun għamel partita jew tnejn tajbin lejn tmiem is-sena? U meta se nibdew nippjanaw serjament il-futur tat-tim flok noqogħu nraqqu kull sena (tipo ġġib lura lil Pjanic li ilu snin li naqqas sew jew iġġib lura lil De Sciglio, Rugani u Perin li nafu sew xi jsarrfu). Xi kultant inħoss li Juventus ilhom erba’ snin maqbudin fl-istess sitwazzjoni u mhumiex kapaċi jibdlu r-rotta. Xtraw lil Ronaldo biex mingħalihom jirbħu ċ-Champions League, imma naf li plejer waħdu ma jrebbħek, speċjalment meta jkollok midfield ta’ kwalità fjakka immense kif kellna fl-aħħar tliet snin u kif għad għandna s’issa.
Jiddispjaċini ngħid imma nħoss li ilna snin ma nikbru bħal tim. M’aħniex nikbru fil-kwalità tal-amministrazzjoni tat-tim. M’aħniex nikbru fil-kwalità tal-plejers li hemm fit-tim. M’aħniex nikbru fil-kwalità tal-logħob tat-tim. Qed nikkuntentaw li nibqgħu kull sena fuq quddiem fl-Italja. Nagħmlu l-minimu f’kollox (fis-suq tat-trasferimenti u fil-grawnd) biex nirbħu l-unuri fl-Italja iżda m’aħniex nikbru biżżejjed biex nirbħu fl-Ewropa. Qed jikber biss id-dejn (u ilu jikber minn qabel il-pandemija) biex nibqgħu fl-istess livell. Ejjew inkunu onesti: kemm verament ħadna gost fl-aħħar tliet snin? Il-problema mhix li jitlaq Demiral ,,, il-problema hi li jekk inħarsu lejn min rebaħ fl-Ewropa fl-aħħar għoxrin sena insibu li rebaħ dejjem min kien armat sew, min lagħab tajjeb, min bena tim qawwi b’paċenzja u intelliġenza. Għadna ‘l bogħod minn dak il-mudell.
Matthew Scerri