Messaġġ mingħand il-Presidentby Aleandro Bartolo
Għeżież Membri,
Ninsabu fl-aħħar jiem tal-2021 u bħal dejjem f’daż-żminijiet nikteb kelmtejn sabiex filwaqt li nibgħatilkom l-awgurji għal Milied ħieni u sena ġdid mimlija risq u barka, nagħlqu s-sena b’ħarsa lura lejn dak kollu li jkun sar.
Kif jaf kulħadd l-2021 kienet sena diffiċli għal kulħadd minħabba l-impatt tal-pandemija. Għal żmien twil kellna nibqgħu bil-bibien magħluqa u tassew ħassejna n-nuqqas tagħkom ilkoll. Prattikament qattjna nofs sena mingħajrkom fiżikament preżenti fil-Club. F’dawk ix-xhur il-ħidma tiegħi u ta’ sħabi tal-Kumitat ma waqfet xejn, anzi ħadna l-okkażjoni biex inwettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ u modernizzar tal-premises. Komplejna ninvestu ħafna u nassigurakom li ma waqafniex minuta mill-ħidma tagħna. Nirringrazzja għaldaqstant lill-membri tal-Kumitat li jagħmlu xogħolhom b’tant passjoni u dedikazzjoni.
Kburi ngħid li taht it-tmexxija għaqlija tiegħi ta dawn l-aħħar snin ħalliet il-frott tagħha għax minkejja li ninsabu f’nofs pandemija li ilha tifleġ lid-dinja kollha għal sentejn sħaħ, il-Club tagħna kien finanzjarjament f’pożizzjoni solida u stajna nibqgħu ninvestu minkejja d-dħul tal-Club naqas drastikament . Mhux talli ma waqafniex imma saħansitra qed inħejju ħafna sorpriżi għall-futur sabiex intom il-membri jkollkom verament l-aħjar kif jixirqilkom.
Żammejna kuntatti mill-aqwa ma’ barra minn Malta, komplejna naqdu lilkom il-membri b’biljietti tal-partiti ta’ Juventus at face value. Jien personalment tlajt Turin diversi drabi, sakemm kien possibbli minħabba l-pandemija, biex inżomm ħajjin il-kuntatti li għandna hemmhekk. Kif tafu aħna qatt ma nieqfu naħdmu biex nirrappreżentaw lill-Club barra minn xtutna u nippruvaw noħolqu opportuntajiet mill-aqwa għalikom il-Juventini tal-gżejjer Maltin.
Minn qalbi nirringrazzja lilkom il-membri kollha talli bqajtu leali lejn il-klabb minkejja ż-żmijijet diffiċli tal-pandemija. Grazzi mill-qalb lil dawk li baqgħu jattendu l-klabb fl-aħħar xhur. Grazzi anki lil dawk il-membri li reġgħu għażlu li jidħlu fil-familja tal-Club tagħna wara li kienu waqfu jattendu għal xi snin.
Grazzi ukoll lil Barmen tal-klabb li dejjem hadu ħsieb il-membri u hadmu id f’id miegħi.
Nagħlaq bħal dejjem billi min qalbi nirringrazzja lill-isponsors. Il-ġenerożità tagħhom tassew ma tieqaf qatt anki fi żminijiet daqstant diffiċli.
Grazzi mill-qalb lil kulħadd u nawguralkom il-Festi t-Tajba!
Joseph Fenech
President
Juventus Club Vero Amore (Malta 1975)