Emozzjoni kbira!by Matthew Scerri
Nistqarr magħkom li ninsab tassew emozzjonat issa li l-website l-ġdida tal-Club marret online u tista’ tibda titgawda mis-supporters Juventini Maltini u Għawdxin. Għaddew tlettax-il sena u nofs minn dak il-15 ta’ Ġunju 2008 meta għall-ewwel darba bdejna mwasslu mill-website l-aħbarijiet dwar it-tim Juventin u informazzjoni oħra li tikkonċerna lill-Club tagħna. Konna l-ewwel website ta’ dat-tip f’pajjiżna u tul dawn it-tlettax-il sena u nofs qatt ma nqasna milli nwasslulkom aħbarijiet. Inħossni kburi li llum żdiedu l-websites ta’ dat-tip jew il-gruppi ta’ aħbarijiet fuq FB għax ifisser li dak li bdejna aħna kien tassew importanti u welled ħafna websites oħra/gruppi fuq FB ta’ kwalità.
Illum inħares lura u qisu lbieraħ meta bdejna din l-avventura. Nemmen li f’dawn it-tlettax-il sena u nofs il-website tagħna kienet kruċjali biex inżammu ħajjin ir-rabtiet ta’ ħbiberija li ilhom jgħaqqduna sa mill-1975 meta twaqqaf il-Club tagħna. Inħossni onorat li kelli x-xorti nkun parti minn din l-istorja, kemm tal-Club kif ukoll tal-website. Inħossni grat immens li kelli l-opportunità naqdi lill-Club permezz tal-kitba tiegħi fil-website. Inħossni kburi li dak li ħloqna tlettax-il sena u nofs ilu mhux biss għadu ħaj imma llum laħaq livelli li onestament lanqas biss konna nimmaġinawhom fl-2008. Kburi li dil-website għandha mhux biss passat rikk, imma anki preżent qawwi u ġejjieni mill-isbaħ.
Prosit minn qalbi lil dawk kollha li kienu involuti fil-ħolqien tal-verżjoni l-ġdida tal-website, b’dehra moderna u ferm attraenti. Nawgura l-ħidma t-tajba lil dawk kollha li se jkunu qed jagħtu sehemhom fil-kitba ta’ artikli. Jalla t-tim tagħna li jaħdem fuq dil-website jkompli jikber ħalli mhux biss naraw lill-website tmur ‘il quddiem, imma anki nagħtu vetrina lit-talent lokali.
Fl-aħħar u mhux l-inqas grazzi kbira lilkom il-qarrejja li dejjem segwejtuna bi ħġarkom. L-artikli kollha li ktibna ma kienu jiswew xejn li kienu intom ma qrajtuhomx u ma segwejtuniex b’tant passjoni. Kien hemm snin li fihom dil-website kienet taqbeż il-miljun pageview fis-sena! Spiss niltaqa’ ma’ xi wħud minnkom il-qarrejja u l-mod kif tkellmuni juri biċ-ċar kemm hi għal qalbkom dil-website. Ibqgħu segwuna u saħħulna l-enerġija biex il-website tal-Club tagħna tibqa’ taqdi l-funzjoni tagħha bl-aħjar mod possibbli.
Matthew Scerri