Anki Bernardeschi se jitlaq b’xejn?by Matthew Scerri
Wara Paulo Dybala, jidher li hemm ċans kbir li Juventus jitilfu plejer ieħor li l-kuntratt tiegħu se jintemm tliet xhur oħra. Federico Bernardeschi, għall-kuntrarju ta’ Dybala, x’aktarx se jitlaq b’għażla tiegħu iktar milli tal-klabb peress li mhix togħġbu l-offerta mressqa lilu. Juventus qed joffrulu kuntratt b’paga ta’ 2.5 miljun, bil-possibbilità li jitilgħu sa massimu ta’ 3 miljuni fis-sena. Attwalment Bernardeschi għandu paga ta’ 4 miljuni fis-sena. L-aġent tiegħu dejjem għamilha ċara li Bernardeschi ma jridx jinżel mill-paga tiegħu u allura f’dan l-istadju l-aktar soluzzjoni probabbli hi li Bernardeschi jagħżel li jisma’ l-offerti tal-klabbs l-oħra u jaċċetta l-proposta li tkun taqbillu l-iktar. Nifhmu li klabbs oħra lesti joffrlu iktar milli qed joffrulu Juventus. Bernardeschi, xi ftit jew wisq bħal Dybala, fl-aħħar xhur intilef ma’ Juventus minħabba l-ħafna injuries u Juventus huma xettiċi ħafna dwaru. Il-wirjiet ta’ Bernardeschi fl-aħħar snin ma jiġġustifikawx paga għola minn dik li Juventus qed joffrulu u ċertament id-diriġenza Bianconera tista’ ssib plejer ta’ livell aħjar b’dik il-paga. Anki f’dal-każ, bħal Dybala, l-kwistjoni kollha tibqa’ li missna qatt ma wasalna f’punt li nitilfu plejer b’xejn. Nisperaw li mil-lum ‘il quddiem Juventus ikollhom il-policy li jbigħu plejers ladarba n-negozjati magħhom għall-kuntratt ġdid ma jagħtux frott.
Matthew Scerri