Aġġornament dwar Di Mariaby Matthew Scerri
Tard ilbieraħ filgħaxija bdiet tiċċirkola online l-aħbar li Juventus xebgħu jistennew ir-risposta ta’ Di Maria u għażlu li ma jkonplux in-negozjati miegħu. Nafu li Juventus ressqulu offerta li hu qrib ferm dak li hu kien qed jitlob: kuntratt għal sena waħda biss b’paga ta’ 7 miljuni. Ir-risposta definittiva ta’ Di Maria għadha ma waslitx u għalhekk ibieraħ ħarġet din l-aħbar li Juventus qatgħu qalbhom li jiksbu s-servizzi tal-Arġentin. Issa, però, irridu noqogħdu attenti għax din l-istorja kollha jaf tkun biss parti min-narrattiva tal-gazzetti li bħalissa ma tantx għandhom fuq xiex jiktbu u allura jibdew jipotizzaw x’jista’ jiġri bil-għan li jqajmu l-interess tal-qarrejja tagħhom. Fil-fehma tiegħi hu probabbli ferm li Juventus qed imexxu negozjati oħra ma’ plejers oħra (Berardi u Zaniolo) waqt li qed jistennew ir-risposta ta’ Di Maria. Minħabba raġunijiet ovvji, Di Maria jibqa’ l-għażla numru wieħed ta’ Juventus. Hu ovvju wkoll li Juventus ma jistgħux jistennew wisq fit-tul lil Di Maria hekk kif f’Awwissu diġà hemm erba’ partiti tal-kampjonat. Nifhmu li dit-telenovela waslet biex tintemm f’temp ta’ ġimgħa jew tnejn. Li hemm favur Juventus hu li, minn dak li nafu, Di Maria m’għandu ebda offerta oħra minn top club ieħor u allura hu probabbli li jirnexxilhom jiksbu l-firma tal-Arġentin.
Matthew Scerri