Juventus issa huma l-favoriti li jiffirmaw lil Bremerby Matthew Scerri
Il-Bremer Day tal-bieraħ rat b’sorpriża lil Juventus jaqbżu fuq quddiem fit-taqtigħa għall-ksib ta’ Gleison Bremer. Il-laqgħa bejn Inter u Torino ma marritx tajjeb kif mistenni. Il-klabbs kellhom jiltaqgħu kmieni waranofsinhar biss fuq talba ta’ Marotta l-laqgħa saret ferm iktar tard, Minn dak li qed ikun irrapurtat jidher li Marotta ried jitkellem qabelxejn ma’ Zhang. Meta mbagħad Marotta ltaqa’ ma’ Cairo, Inter għarrfu lil Torino li l-offerta tagħhom għal Bremer kienet se tibqa’ 30 miljun Ewro flimkien mas-self ta’ Casadei. Aktar kmieni matul il-ġurnata Juventus kienu offrew 40 miljun Ewro għal Bremer. Mhux hekk biss. Juventus qed joffru paga ta’ 5 miljuni lil Bremer, filwaqt li Inter tawh 4 miljuni.
Illum mistennija aktar żviluppi. Kollox għadu possibbli. Biss hu evidenti li Juventus qed joffru iktar kemm lil Torino kif ukoll lil Bremer innifsu. Ta min jgħid ukoll li Inter iridu lil Bremer għax qed jittamaw li jbigħu lil Skriniar lil PSG. F’dan l-istadju Inter qed ikollhom diffikultajiet kbar biex ibigħu lil Skrinar u għaldaqstant jaf mhumiex f’pożizzjoni li verament jiffirmaw lil Bremer.
Matthew Scerri