Il-ġimgħa ta’ Paredes u Depay?by Matthew Scerri
Ħafna qed ibassru li dil-ġimgħa Juventus se jkunu qed jiskbu lil Paredes u lil Depay biex isaħħu n-nofs il-grawnd u l-attakk tagħhom. Mat-tnejn li huma allegatament hemm qbil fuq kollox. Depay bħalissa qed jinnegozja ma’ Barcellona sabiex il-kuntratt tiegħu ikun itterminat qabel iż-żmien. Ladarba l-ftehim ma’ Barcellona jkun instab, Depay ikun jista’ jmur Turin għat-testijiet mediċi u l-firma tal-kuntratt ma’ Juventus. Paredes, mill-banda l-oħra, ilbieraħ għamilha ċara pubblikament li jrid jingħaqad ma’ Juventus hekk kif fuq is-social media tella’ ritratt tiegħu qed jara l-partita Juventus-Sassuolo. Barra minn hekk Galtier stqarr ftit tal-jiem ilu li Paredes x’aktarx jitlaq lil PSG minħabba li jrid jilgħab iktar. Juventus qed jiddiskutu ma’ PSG wara li allegatament diġà qablu fuq kollox ma’ Paredes innifsu. Juventus iriduh b’self għal sena bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla. PSG jidhru disposti li jikkuntentaw kemm lil Paredes kif ukoll lil Juventus. Fil-fatt Paredes hu wieħed mill-ħafna plejers fl-iskwadra tagħhom li PSG qed jikkunsidraw bħala ‘żejda’ u mhux indispensabbli għat-tim. Ovvjament Juventus qed jittamaw li Rabiot jinbigħ lil Manchester United biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu l-wisa’ għall-akkwist ta’ Paredes.
Matthew Scerri