Jirriżenjaw Agnelli. Nedved, Arrivabene u d-Diretturi kollha ta’ Juventusby Matthew Scerri
Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, Juventus FC ikkonfermaw li kien hemm ir-riżenja tal-Bord kollu tad-Diretturi, inklużi Andrea Agnelli, Pavel Nedved u Maurizio Arrivabene. Ir-riżenji saru fuq proposta ta’ Andrea Agnelli bil-għan li jinbeda proċess fi ħdan il-klabb għal restructuring li jiggarantixxi amministrazzjoni finanzjarja aħjar. Kollox hu marbut mal-investigazzjoni ‘Prisma’ ovvjament, bl-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jwieġbu għall-akkużi ta’ irregolaritajiet amministrattivi-finzjarji. Din l-investigazzjoni wasslet biex il-CONSOB (ir-regolatur biex niftehmu għall-kumpaniji kkwotati fil-Borża) talbet lil Juventus tiċċara diversi punti marbuta mal-accounts tal-klabb. Il-CONSOB tidher li mhix kuntenta bit-tweġibiet mogħtija minn Juventus u għaldaqstant il-Laqgħa Ġenerali tax-share-holders ta’ Juventus ġiet posposta diversi drabi.
F’dan l-istadju Maurizio Scanavino se jinħatar Direttur Ġenerali tal-klabb, filwaqt li Arrivabene se jibqa’ jservi ta’ CEO (b’setgħat limitati ferm) sakemm jinħatar Bord ġdid tad-Diretturi. Il-Bord il-ġdid se jinħatar fit-18 ta’ Jannar 2023. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi, minkejja li tefgħu r-riżenja tagħhom, skont kif titlob il-liġi xorta se jibqgħu responsabbli tal-klabb sakemm jinhħatar il-Bord il-ġdid. Huma mhux se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ġodda, imma se jkunu qed jiggarantixxu li l-klabb jibqa’ għaddej sakemm il-Bord il-ġdid jinħatar u jibda jopera.
Matthew Scerri