Il-Procura mhix se tappellaby Matthew Scerri
Il-Procura ta’ Turin mhux se tappella kontra d-deċiżjoni tal-GIP Ludovico Morello li dwarha rrapurtajna lbieraħ. Il-Prosekutur kien talab f’Ottubru li għadda li jittieħdu passi kontra Agnelli u l-uffiċjali l-oħra taħt investigazzjoni. Fosthom kien intalab li Agnelli jinżamm taħt house arrest. Kien anki ntalab li jiġu ffriżati 437,000 Ewro mill-kont ta’ Juventus minħabba taxxa mhux dikjarata fuq l-ammonti li qed jiġu kkuntestati lil Juventus min-naħa tal-Procura. L-Imħallef Morello ma laqax it-talbiet tal-Prosekutur peress li ma kienx hemm riskju ta’ “reiterazione del reato” jiġifieri li l-istess allegat reat jerġa’ jitwettaq. Kif għidna lbieraħ l-Imħallef Morello kien tal-idea li l-plusvalenze jirrikorru għalihom il-klabbs kollha, filwaqt li l-hekk imsejħa manovra stipendi saret biss fil-kuntest tal-pandemija Covid. Fil-21 ta’ Diċembru kellu jinstema l-Appell kontra d-deċiżjoni tal-Imħallef Morello. Issa pero’ l-Procura għażlet li twaqqa’ l-appell.
Il-proċess se jibqa’ għaddej. Il-karti kollha jinsabu f’idejn Imħallef ieħor (GUP) fi stadju ieħor tal-kumpilazzjoni fejn irid jiġi deċiż hemmx il-bażijiet biex il-kawża tgħaddi għall-fażi dibattimentali. Hemm stennija anki biex isir magħruf jekk il-kawża hix se tkompli tinstema’ fil-Qrati ta’ Turin jew inkella għandhiex timxi lejn il-Qrati ta’ Milan jew Ruma kif mitlub minn Juventus ladarba l-Borża tinstab hemm.
Matthew Scerri