Ftit punti dwar dak kollu li nqala’ fl-aħħar jumby Matthew Scerri
Se nippruvaw bħas-soltu niġbru ftit punti dwar dan kollu li nqala’ mill-bieraħ ‘l hawn bit-tama li jiċċaraw l-affarijiet fost il-ħafna affarijiet li qed jinkitbu.
Qabelxejn infakkru li l-inkjesta Prisma tal-Procura ta’ Turin bdiet tindaga fuq il-plusvalenze u wara għaddiet għal kwistjonijiet iktar tekniċi marbuta mal-marovra stipendi u l-accounts tal-Club fis-snin 2019-2021. Fil-Qrati ċivili nafu li se jkun hemm l-udienza preliminare fis-27 ta’ Marzu sabiex ikun stabbilit hemmx il-bażijiet sabiex titkompla l-kawża li nfetħet kontra Juventus u l-uffiċċjali tagħha.
Fl-ambitu tal-hekk imsejħa giustizia sportiva l-kawża minħabba l-plusvalenze kienet ġiet magħluqa b’assoluzzjoni sħiħa tal-klabbs kollha konċernati anki fl-istadju tal-appell. Fis-sentenza definittiva kien inkiteb ċar u tond li ma jeżistix mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun stabbilit il-valur reali tal-plejers.
Fit-22 ta’ Diċembru li għadda l-Procuratore Federale kien ressaq rikors sabiex il-kawża magħluqa terġa’ tinfetaħ hekk kif mill-atti tal-inkjesta Prisma ħarġu elementi ġodda. B’hekk wasalna għas-seduta tal-bieraħ li f’temp ta’ madwar disa’ sigħat xogħol laqgħet ir-rikors imressaq mill-Procuratore Federale u stabbilixxa li jitnaqqsu dis-sena u b’mod immedjat 15-il punt lil Juventus fil-klassifika tas-Serie A, Cherubini u diversi eks-uffiċċjali oħra ta’ Juventus ingħataw sospensjoni ta’ diversi xhur. Fl-istess waqt kienet ikkonfermat is-sentenza ta’ ħelsien mill-akkuża għall-klabbs l-oħra konċernati. Tajjeb infakkru li l-Procuratore Federale kien talab 9 punti mnaqqsa għal Juventus, sostensjoni iqsar għall-uffiċċjali mixlija, kif ukoll kundanni għall-klabbs l-oħra.
Issa hemm perjodu ta’ għaxart ijiem li matulhom il-Qorti tal-Appell trid tippubblika s-sentenza tal-bieraħ bid-dettalji kollha tal-każ u trid tagħti r-raġunijiet għala waslet biex ħadet dawn id-deċiżjonijiet. Wara li tkun ippubblikata s-sentenza, Juventus ikollhom 30 ġurnata biex iressqu l-appell tagħhom quddiem il-Collegio di Garanzia tal-Coni li ma jistax jidħol fil-mertu tas-sentenza, imma se jkollu l-kompitu biss li jiċċertifika li kienu mħarsa l-proċeduri legali kollha min-naħa tal-Qorti tal-Appell. Fi kliem ieħor il-Collegio di Garanzia ma jistax jgħid li Juventus ħaqqhom 10 punti mnaqqsa minflok 15-il punt. Se jkun jista’ biss jiddetermina jekk il-Qorti tal-Appell mil-lat tekniku mxietx skont il-proċeduri legali kollha li jeżistu.
La darba l-Collegio di Garanzia jagħti l-verdett tiegħu, is-sentenza tkun waħda definittiva. Għalkemm Juventus xorta jkollhom il-possibbiltà li jressqu appell ieħor quddiem it-TAR, kif ukoll jirrikorru għall-Qrati ċivili (għalkemm jekk jagħmlu hekk ikun qed jiksru regola oħra li torbot lill-klabbs tal-futbol u allura jkun hemm riskju ta’ aktar passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Juventus).
Il-Procuratore Federale bħalissa għandu wkoll l-atti kollha tal-inkjesta Prisma (li issa hi magħluqa għal kollox) u jrid jiddeċiedi jekk jitlobx li l-giustizia sportiva tiftaħ kawża oħra kontra Juventus b’rabta mal-manovra stipendi. Jista’ anki jitlob li Juventus u klabbs oħra jitressqu quddiem il-giustizia sportiva minħabba plusvalenze oħra li ma kienux jifformaw parti mill-ewwel kawża magħluqa u li reġgħet infetħet ilbieraħ.
Apparti l-kawżi tal-giustizia sportiva u l-Qrati ċivili Taljani, Juventus se jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-inkjesta miftuħa kontrihom mill-Uefa. Hawn il-plusvalenze mhux se jkun ikkunsidrati minħabba li l-inkjesta għandha x’taqsam mal-accounts li Juventus ressqu quddiem il-Uefa sabiex ikun jista’ jintlaħaq settlement agreement. Il-plusvalenze mhux se jvarjaw l-accounts. Il-manovra stipendi iva. Jekk l-Uefa ssib biżżejjed provi li l-manovra stipendi tħalliet barra apposta mill-accounts ta’ Juventus, allura jkun hemm riskju kbir li jittieħdu passi fil-konfront ta’ Juventus.
S’hawn il-fatti. Niġu issa għal riflessjoni qasira. Mhux se noqgħod nidħol wisq fi kwistjonijiet purament tekniċi tipo l-prinċipju tal-‘ne bis in idem’ li bih ħadd ma jista’ jiġi ġġudikat darbtejn fuq l-istess att imwettaq. Lanqas m’jien se nipprova nidħol f’affarijiet tipi għala l-Qorti tat piena ikbar lil Juventus minn kemm mitlub mill-Procuratore Federale jew għala Juventus weħlu piena u klabbs oħra li mxew bl-istess mod, ġew meħusa mill-akkużi. Inħoss li huma kunċetti tekniċi wisq biex tidħol fihom la darba ma jkollokx kompetenza fil-qasam u la darba ma’ tkunx taf x’fihom l-atti tal-kawża. Ħafna ġurnalisti u bloggers qed jilagħbuha bħas-soltu li jifhmu ħafna, imma l-arġumenti li qed iġibu huma ftit bażwija fosthom li Juventus weħlu u l-klabbs l-oħra le għax Prisma indagat biss fuq Juventus. Narah argument bażwi għax anki jekkhu veru li Prisma indagat dwar Juventus, dawk li nstab fuq plusvalenze inevitabbilment jikkonċerna l-klabbs oħra u allura la twettqu rregolaritajiet minn Juventus, twettqu anki mill-klabbs l-oħra li magħhom sari l-ftehim. Kif għidut huma kwistjonijiet tekniċi u ma jistgħux jiġu bbanalizzati b’dat-tip ta’ argumentar.
Li hu żgur hu li d-difiża ta’ Juventus ilbieraħ kienet ftit fjakka żżejjed. Infakkru li l-giustizia sportiva topera b’mod awtonomu u allura m’għandhiex bżonn tistenna s-sentenza tal-Qrati ċivili biex tiddeċiedi fuq dawn il-kwistjonijiet kollha. Il-problema l-kbira hi li l-giustizia sportiva taħdem b’mod assurd u ma tagħtix wisq spazju biex il-klabbs jiddefendu ruħhom permezz ta’ smigħ ta’ xhieda, l-analiżi ta’ dokument, id-dibattiment fl-awla, eċċ. Il-giustizia sportiva ġiet maħluqa mill-awtoritajiet bl-għan apposta li tkun tassew veloċi fil-qtugħ tas-sentenzi tagħha. Il-kawża ta’ Calciopoli bdiet u ntemmet f’temp ta’ tliet ġimgħat biex nagħtu eżempju. B’dal-tip ta’ operat tal-giustizia sportiva, mhuwiex faċli li klabb jiddefendi lilu nnifsu. Wisq nibża’ li l-esperti mqabbda minn Elkann huma wisq imdorrijin bil-mekkaniżmi tal-Qrati ċivili u ftit li xejn għandhom esperjenza fil-kawżi tal-giustizia sportiva. Biex niftehmu, f’Qorti ċivili tista’ toqgħod tiddibatti fit-tul dwar il-manovra stipendi u l-mod kif inħadmu l-accounts, mentri quddiem il-giustizia sportiva dan mhuwiex possibbli. U din nemmen li se tkun problema kbira għal Juventus fejn paradossalment jista’ jkollna kundanna quddiem il-giustizia sportiva għall-manovri stipendi u ħelsien mill-akkużi snin wara quddiem il-Qrati ċivili.
Matthew Scerri