Mill-ġdid mixlija bi ksur tal-prinċipju ta’ lealta’ sportivaby Matthew Scerri
Il-Procura Federale bagħtet notifika uffiċjali lil Juventus u lil seba’ uffiċċjali tagħha (uħud minnhom eks-uffiċċjali) li se jitressqu quddiem is-sezzjoni dixxiplinari tal-Qorti Federali sabiex jirrispondu għall-akkużi li kisru l-artiklu 4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva. Is-seba’ uffiċċjali huma: Andrea Agnelli, Nedved, Paratici, Cherubini, Manna, Braghin u Morganti. Kollha kemm huma se jkunu mixlija li kisru l-artiklu 4, jiġifieri li naqsu milli jonoraw il-prinċipju ta’ lealta’ sportiva. Juventus se jkunu mixlija bl-artiklu 4 għal responsabbilta’ oġġettiva u diretta għall-mod kif ħadmu l-uffiċċjali tagħha.
Did-darba l-kawża se tkun marbuta fuq dan li ġej:
1. Manovra stipendi 2019/20 — Juventus kienu rreġistraw il-ftehim ma’ 21 plejer u l-kowċ Sarri biex jitnaqqsulhom 4 pagi, iżda naqsu milli jirreġistraw il-ftehim li jekk il-kampjonat ikompli (konna fi żmien l-ewwel Covid) il-plejers u Sarri kellhom jingħataw lura tlieta minn dawn l-erba’ pagi neqsin. Skont Chine’ dan sar b’intent malizzjuż għax Juventus kienu jafu li t-tliet pagi kienu se jingħataw lura wara t-30 ta’ Ġunju 2020 meta tintemm is-sena finanzjarja.
2. Manovra stipendi 2020\21 — Juventus irreġistraw il-ftehim ma’ 17-il plejer biex jitnaqqsulhom 4 pagi. Ma rreġistrawx imma skritturi privati li l-plejers kienu se jingħataw lura l-erba’ pagi fl-istaġuni ta’ wara. Nafu li Dybala u Ronaldo qatt ma ħadu xejn lura, filwaqt li Arthur tħallas l-erba’ pagi qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 bħala inċentiv biex jitlaq lill-klabb.
3. Relazzjonijiet mal-aġenti – Qed ikun ikkuntestat li l-uffiċċjali ta’ Juventus naqsu milli jirreġistraw b’mod korrett u veritier il-ftehim li kellhom ma’ xi aġenti dwar bejgħ jew xiri ta’ plejers, kif ukoll it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xi plejers. L-aġenti huma: Davide Lippi, Gabriele Giuffrida, Giorgio Parretti, Antonio Rebesco, Luca Ariatti, Silvio Pagliari, Giuseppe Galli, Michele Fioravanti, Luca Puccinelli, Tullio Tinti u Vincenzo Morabito. Skont Chine’ Juventus użaw aġenti bla ma tawhom mandat uffiċjali jew f’xi każijiet taw mandat uffiċjali fittizju lil xi aġent ieħor. Kien hemm aġenti li tħallsu għal xi trasferimenti mingħajr ma qatt ħadmu effettivament fuq dawk it-trasferimenti. Chine’ qed jakkuża li dawn il-pagamenti saru biex l-aġenti jitħallsu għal xogħol ieħor li twettaq minnhom b’konnessjoni ma’ Juventus, fosthom it-trasferimenti ta’ plejers taħt l-eta’ li fuqhom ma jitħallsux commissions lill-aġenti.
4. Partnership ma’ klabbs oħra – L-akkuża hi li kien hemm ftehim mhux reġistrat ma’ Sampdoria, Atalanta, Udinese, Sassuolo, Bologna u Cagliari dwar trasferiment ta’ plejers. F’xi każijiet kien irreġistrat ftehim, bid-dokumenti ma jirriflettux id-dettalji kollha reali tal-istess ftehim. Is-sitt klabbs l-oħra mhux qed jiġu mixlija għalissa peress li għaddejja investigazzjoni dwarhom.
Il-kawża għandha tinstema’ f’temp ta’ 30 ġurnata mil-lum. Jekk is-sentenza definittiva toħroġ wara t-30 ta’ Ġunju, il-piena eventwali tgħodd fl-istaġun li jmiss. Chine’ mistenni jkun qed jitlob aktar tnaqqis ta’ punti ladarba ma laqax il-proposta ta’ Juventus li jkun hemm biss multa marbuta ma’ dil-kawża.
Matthew Scerri