L-Ewwel Snin – Iswed u Abjad (t-tieni parti)by Aleandro Bartolo
ikompli minn Iswed u Abjad (l-ewwel parti)
Prologu
Meta Itqajna ħdejn Café Cordina
L-isem leggendarju ta’ Juventus minn dejjem kien magħruf f’pajjiżna u t-tim Juventin kien segwit b’passjoni kbira minn għadd kbir ta’ Maltin u Għawdxin. In-nuqqas ta dokumentazzjoni, l-aktar ta’ xhieda mill-persuni li għexu f’dak iż-żmien, tagħmilha kemmxejn diffiċli biex tkun stabbilita l-origini eżatta tal-imħabba lejn Juventus mid-dilettanti tal-futbol fil-gżejjer tagħna. Jibqgħu bla tweġiba l-mistoqsijiet:
Ghalfejn kienu jappoġġjaw lil Juventus?
Kif kienu jsegwu lit-tim?
Kif kienu jiksbu t-tagħrif dwar il-wirjiet tal-Bianconeri?
U hafna mistoqsijiet oħra simili. Ma ninsewx li dan kien żmien meta ma kienx hawn wisq tagħrif dwar it-tim. Qed nirreferu ghall-epoka qabel dahal fis-seħħ l-internet. Dak iż-żmien lanqas ma kien hawn id-drawwa li jinxtraw gażżetti Taljani. Il-mezzi ta’ kommunikazzjoni kienu relativament skarsi u sa tmiem il-Ħamsinijiet kienu fl-infanzja tagħhom l-istazzjonijiet Taljani tat-televizjoni. Kienu żminijiet differenti minn dawk ta’llum. Iżda minkejja dan kollu, xorta nibtet u kibret il-passjoni lejn Juventus.
Qalb din l-inċertezza marbuta mal-ibgħad żminijiet, nafu fić-ċert li fil-bidu tas-Snin Sittin bdiet tinħass aktar minn qatt qabel il-ġibda lejn Juventus. Dan kien dovut l-aktar għax-xandiriet u għall-kummentarji li kienu jingħataw kull nhar ta’ Ħadd dwar il-loghob tal-futbol Taljan minn fuq ir-radju Taljan. F’dawn l-istess snin ir-Rai bdiet anki tittrasmetti programm bl-aqwa siltiet mill-partiti tal-kampjonat Taljan, “La Domenica Sportiva”.
Permezz ta’ dawn it-trasmissjonijiet, l-isem ta’ Juventus beda jidħol ġimgħa wara ġimgħa fl-imħuħ tal-isportivi Maltin u Għawdxin. Il-popolarità ta’ Juventus bdiet dejjem tikber u tinxtered sew f’pajjiżna. Li kieku kellna nużaw ir-retorika tas-Snin Sittin, nistgħu ngħidu li l-partitarji bdew iħossu d-demm Juventin jigri fil-vini tagħhom.
L-ewwel fatt rekordjat li jixhed storikament l-imħabba tal-Maltin għat-tim Juventin imur lura proprju għas-Snin Sittin, meta grupp żgħir ta’ partitarji u simpatiżżanti Juventini ddecidew li jagħtu ħajja lill-ewwel forma ta’ klabb jew għaqda ta’ persuni li jappoġġjaw lil Juventus.Fis-sajf tal-1964, f’ġurnal lokali, deher avviż żgħir li kien jgħid:
“Dawk il-partitarji Juventini Maltin u Għawdxin li jixtiequ jsiru membri tal-Club Amici della Juve, huma mħeġġa li jiltaqgħu quddiem Café Cordina fi Strada Reale nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru fis-7.30 p.m.”
Dak il-jum wasal u quddiem Café Cordina fil-ħin avžat ftit li xejn kien hemm Juventini għajr ħamsa min-nies. Dawn kienu n-Nutar Joseph Cachia, Pawlu Borg Olivier, Manwel Scerri, Oliver Mizzi u Stephen Rizzo. Ovvjament is-sitwazzjoni f’dak il-ħin, għal dawn il-ħames persuni kienet wahda surreali għax ħlief in-Nutar Cachia u Pawlu Borg Olivier, ħadd ma kien jaf lil ħadd.
Mal-ħin, weqfin fil-kantuniera ta’ Café Cordina, il-ħamsa bdew iħarsu lejn xulxin mingħajr ma jitkellmu bħallikieku bdew jistaqsu lilhom infushom,‘Tghid dan ta’ ħdejja Juventin?”
Kif jgħid il-Malti, id-demm ma jsirx semm u wara ftit minuti l-ħames Juventini bdew jitħaddtu u allura minn dak il-ħin wieħed jista’ jgħid li twieled il-moviment Juventin fil-gżejjer taghna.
Dan l-għaliex il-ħames Juventini wara serje ta’ laqghat fl-uffiċju tan-Nutar Joseph Cachia f’Vincenti Building, il-Belt, iddiskutew u ħejjew pjani għat-twaqqif tal-Club Juventin. Ta’ min jgħid li f’dawk iż-żminijiet anki l-klabbs tal-partitarji Juventini fl-Italja kienu skarsi. Wara korrispondenza twila ma’ certu Avukat Aldo Bonacchi minn Firenze, promotur tal- ewwel Juventus Club fit-Toscana bl-isem ta’ Club Nazionale Amici della Juve, il-klabb tagħna, għalkemm kien għadu fl- infanzja tiegħu, kien aċċettat bhala membru uffiċjali u kien deċiż li l-moviment Juventin f’pajjiżna jieħu l-isem ta’ Club Nazionale Amici della Juve (Malta).
Bħala l-ewwel pass importanti għat-twaqqif tal-klabb Juventin f’pajjiżna, fi Frar tal-1965, rappreżentanza tal-klabb iffurmata mis-Segretarju Generali, Paul Borg Olivier, u mill-membri Manwel Scerri u Joe Bonello, kienet mistiedna żżur Firenze mill-President Bonacchi u tattendi ghal-logħba Fiorentina- Juventus. Wara din il-partita kienet organizzata serata speċjali mill-Club Nazionale Amici della Juve ta’ Firenze stess fejn id- delegazzjoni tal-klabb Malti kellha l-opportunità li tagħmel l-ewwel kuntatt uffiċjali mad-dirigenti ta’ Juventus FC li kienu preżenti għas-serata.Infatti, id-delegazzjoni Maltija tkellmet mal-Amministratur Delegat, Giampiero Boniperti, mal-kowċ Eraldo Monzeglio, kif ukoll mal-plejers Juventini Luis Del Sol, Nestor Combin u Gianfranco Leoncini. F’din l-okkażjoni, quddiem dawn il-persunaġġi importanti, Dott. Bonacchi ta għarfien uffiċjali lill- Club Nazionale Amici della Juve (Malta). Ingħatat ukoll Tessera Uffiċjali lill-klabb tagħna minn dak ta’ Firenze li formalment kienet turi li aħna parti minnhom u li nirrappreżentaw lil pajjiżna fl-ambitu tal-appogg organizzat fl-Italja.
Għalkemm il-klabb Juventin Malti kien għad ma kellux la Statut u lanqas għadd sostanzjali ta’ membri li verament jiffurmaw klabb, ir-rappreżentanti tal-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) ippruvaw iqajmu l-interess u l-entuzjazmu fost il-Juventini Maltin u Għawdxin billi jimpurtaw minn Turin u jqassmu r-rivista uffiċjali Hurrá Juventus. Kien hemm anki xi inizjattivi żgħar ohra bl-għan li aktar Maltin jibdew jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Juventus.
Il-pjani u l-ħsibijiet tal-Kumitat Malti ftit li xejn kellhom rispons minħabba diversi raġunijiet, fosthom in-nuqqas ta’ komunikazzjoni u mitt problema oħra li għamluha difficli f’dak
iż-żmien li l-klabb jiffjorixxi.Quddiem dawn ic-cirkostanzi, sfortunatament, il-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) ma kellux ħajja twila u matul perjodu ta’ snin miet mewta naturali.
B’danakollu l-istorja tal-partitarji Juventini Maltin organizzati fi klabb ma ntemmitx hemm. Il-klabb kellu jerga’ jitwieled mill-gdid, b’passjoni u mħabba mġedda u b’saħħtu aktar minn qabel. Il-klabb il-ġdid inbena fuq sisien aktar b’saħħithom u grazzi għas-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni ta’ mijiet ta’ nies għadu haj sa llum bi storja rikka ferm ta’ 40 sena ta’ imħabba vera lejn it-tim ta’ Juventus.
Kapitlu 1
L-ewwel snin (1975-1980)
Għaddew ħdax-il sena u fl-1975 deher avviż iehor, din id- darba fil-gurnal “Il-Ħajja”. Kien eżattament fil-ħarga ta’ nhar it-8 ta’ Frar, f’pagna 8, li kien pubblikat dan l-avviż li permezz tiegħu l-Juventini kollha ta’ dawn il-gżejjer ġew mistiedna jingħaqdu u jerġgħu jagħtu hajja ġdida lill-Club Nazionale Amici della Juve (Malta).
L-inizjattiva ta’ din is-sejħa kienet tas-Sur Tony Dimech, illum wieħed mill-Presidenti Onorarji tal-klabb, li fl-avviż stieden lil dawk kollha interessati b’dan il-kliem:“Il-partitarji kollha juventini li jixtiequ jsiru membri tal-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) huma gentilment mitluba jiktbu u jibaghtu 1c 5m f’bolol lil Tony Dimech, Barbara Bastion, il-Belt.”
L-għan ewlieni ta’ Tony Dimech kien li jerġa’ jagħti l-ħajja lill-inizjattiva li kienet twieldet ftit snin qabel u li sfortunatament kienet spiċċat fix-xejn.
Wieħed jista’ jgħid li għall-għajta tar-raghaj, in-naghag (jew aħjar iz-żebri f’dan il-każ) wieġbu bis-sħiħ. Infatti, ir-respons għal din l-inizjattiva l-ġdida kien wieħed tajjeb u inkoragganti ferm. Malli deher I-avviż, Tony Dimech kien ikkuntattjat minn Manwel Scerri li flimkien ma’ xi Juventini oħra, fosthom mill-ġdid in-Nutar Joseph Cachia, bdew il-ħidma biex jiltaqgħu u jpoġġu il-pedament ta’ dak li llum nafuh bħala l-akbar klabb Juventin fid-dinja barra l-penizola Taljana.
It-triq dejjem kienet diffiċli iżda din id-darba kien jinħass entuzjazmu akbar, filwaqt li anki l-interess tal-Maltin fil-Juventus kien ferm differenti minn qabel, grazzi wkoll għat-titjib fil-kamp ġurnalistiku, il-media, il-gażżetti barranin, li kollha żdiedu mal-milja tas-snin f’pajjiżna, kif ukoll titjib sostanzjali fit-trasmissjonijiet televizivi. Finalment kien rikonoxxut li fil-gżejjer Maltin u Għawdxin kien jinhass interess qawwi lejn il-kuluri Bianconeri u bżonn li jitwaqqaf klabb li verament jirrifletti dan l-attakkament.L-ewwel laqgħa informali
Peress li dak iż-żmien il-klabb fl-infanzja tiegħu ma kellux sede tiegħu, Tony Dimech u shabu kienu jiltaqgħu f’xi café tard filgħaxija jew fl-uffiċċju tan-Nutar Cachia il-Belt jiddiskutu u jħejju għas-sejħa tal-ewwel laqgħa informali għal dawk li xtaqu jissieħbu fil-klabb.
Il-laqgha informali saret nhar is-16 ta’ Marzu 1975 fis-sala tal-Kažin tal-Banda La Valette, il-Belt (gentilment misluf ghall-okkażjoni). Għal-laqgħa attendew madwar 60 partitarju Juventin.
Matul il-laqgha, immexxija mill-promotur Tony Dimech, kienu diskussi diversi punti marbuta mal-mod kif kellha titqiegħed l-ewwel ġebla tal-klabb Juventin f’pajjiżna. Kienet maħtura Kummissjoni Speċjali biex tieħu ħsieb it-tfassil ta’statut, tipproponi skema ta’ tesseramenti u twitti t-triq għall- elezzjoni għall-ewwel Kumitat Eżekuttiv tal-klabb.
II-Kummissjoni Speċjali kienet magħmula minn Tony Dimech bhala Chairman, Manwel Scerri (Viċi Chairman) u l-membri Joseph Aloisio, Lino Bonello, Albert Callus, Oliver Mizzi u Carmelo Vella.Elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv
Il-Kummissjoni Specjali mill-ewwel bdiet il-ħidma tagħha għall-preparattivi u s-sejħa għal-Laqgħa Generali li fiha kellhom ikunu ppreżentati pjani sodi għall-ġejjieni kif ukoll issir l-elezzjoni għall-ewwel Kumitat Eżekuttiv li kellu jmexxi lill-klabb.
II-Kummissjoni sejħet l-ewwel Laqgħa Generali fl-istorja tal- klabb nhar il-Ħadd 13 ta’ April 1975 u għaliha kien preżenti għadd sabiħ ta’ partitarji Juventini. Għal darb’ohra ntużat is-sala tal-Kažin La Valette. Matul il-laqgħa, li tmexxiet minn Tony Dimech, kienu diskussi ideat u opinjonijiet mis-46 persuna preżenti ghal-laqgħa.
Tressqet il-proposta tal-Kummissjoni li l-klabb jingħata isem aktar sempliċi u car minn dak originali mfassal fuq l-isem li deher fl-avviż tat-8 ta’ Frar 1975 u li kien intuża ħdax-il sena qabel. L-isem kellu jirrifletti fl-originalità u fis-semplicità tiegħu l-identità tal-klabb lokali. Kien issuggerit l-isem Juventus Club (Malta). Din il-proposta kienet minnufih milqugha mill- Laqgħa Generali b’applaws kbir li wera li l-isem il-ġdid kien għogob lil dawk preżenti.
Matul il-Laqgħa gie wkoll elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li mexxa lill-klabb għas-sena 1975/76. In-Nutar Joseph Cachia bħala Chairman u s-Sinjuri Richard Muscat u Robert Caruana kienu magħżula biex imexxu l-elezzjoni. Immedjatament ic- Chairman staqsa min fost il-membri preżenti xtaq jikkontesta l-elezzjoni. Kien hemm ħdax-il persuna interessata, fosthom anki mara (ħaġa mhux tant komuni għal dawk iż-żminijiet meta n-nisa ftit li xejn kienu jinteressaw irwieħhom fil-futbol). Minn dawn kellhom jingħażlu seba’ persuni biex jiffurmaw l-ewwel kumitat.Wara li ntlaqgħu n-nominazzjonijiet, beda l-proċess tal-votazzjoni.
Ir-riżultat tal-votazzjoni kien:
Tabella nru.Ir-Riżultat tal-votazzjoni għall-Kumitat 1975/76
- Tony Dimech – 46 vot
- Manwel Scerri – 42 vot
- Joseph Aloisio – 40 vot
- Carmelo Vella – 38 vot
- Albert Callus – 36 vot
- Charles Galea – 26 vot
- Publius Vassallo – 22 vot
- Joe Attard – 20 vot
- Josephine Galea – 20 vot
- Mario Troisi – 14-il vot
- Lino Bonello – 10 voti
Bil-qari tar-riżultat tal-votazzjoni, saru magħrufa l-ismijiet tal-ewwel seba’ persuni eletti biex jiffurmaw l-ewwel Kumitat Eżekuttiv fl-istorja tal-klabb u li serva għall-perjodu ta’sena 1975/76.
Fi tmiem il-laqgħa, in-Nutar Joseph Cachia u s-Sur Franco Facchetti (illum t-tnejn mejta) kienu unanimament maħtura bhala l-ewwel Presidenti Onorarji fl-istorja tal-klabb bħala rikonoxximent għall-ħidma, il-kollaborazzjoni u l-għajnuna bla qies li taw biex setghet tibda t-triq twila iżda glorjuza tal- Juventus Club (Malta).Tibda l-hidma tal-Kumitat Eżekuttiv
Dejjem fuq inizjattiva tal-President Onorarju n-Nutar Cachia, li dak iż-żmien kien il-President tal-Każin tal-Banda La Valette, il-Kumitat elett iltaqa’ għall-ewwel darba f’forma uffiċjali f’kamra mislufa mill-Kažin La Valette stess. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat saret ftit jiem wara l-Laqgħa Generali, preċiżament nhar it-22 ta’ April 1975 u fiha tqassmu l-karigi fi hdan il-Kumitat kif ġej:
- President – Tony Dimech
- Viċi President – Manwel Scerri
- Segretarju – Carmelo Vella
- Teżorier – Publius Vassallo
- Assistent Segretarju – Joseph Aloisio
- Membri – Albert Callus u Charles GaleaII-ħidma ta’dak l-ewwel Kumitat, kif ukoll tal-Kumitati l-oħra kollha fl-aħħar erbgħin sena, kellha l-għan li torganizza attivitajiet fuq baži lokali għall-partitarji Juventini tal-gżejjer Maltin; jitkabbar l-isem ta’ Juventus f’Malta; jinżamm kuntatt kontinwu ma’ Turin direttament ma’ Juventus FC u jinkiseb għarfien uffiċjali; kif ukoll ikunu organiżżati żjarat f’Malta ta’plejers Bianconeri. Dan kollu nkiseb b’mod sorprendenti fl-ewwel ħames snin tal-klabb.
♦ Kurżitá ċkejkna dwar l-ewwel sena tal-Juventus Club (Malta). Il-ħlas ta’ sħubija fil-klabb fl-1975/76 kien ta’ 50 ċenteżmu. B’kollox kien hemm 120 membru registrat mal-klabb f’dik l-ewwel sena.
Rikonoxximent minn Turin
Il-Kumitat Ezekuttiv kellu l-prijorità sa mill-ewwel laqgħat tiegħu li jinkiseb rikonoxximent uffiċjali mingħand Juventus FC. Dak iż-żmien kien hemm ic-Centro Coordinamento Juventus Club li kien jigbor fih il-klabbs Juventini rikonoxxuti.
Bdew il-kuntatti ma’ barra u saret it-talba uffiċjali lic-Centro Coordinamento f’Turin li kien immexxi minn Alberto Refrigeri. Fortunatament it-twegiba minn Turin kienet immedjata u pożittiva. Biex seta’ jinkiseb ir-rikonoxximent uffiċjali, il-Kumitat intalab li f’Malta jsir kuntratt quddiem nutar b’dawn il-kundizzjonijiet preliminari:(a)li l-klabb jitwaqqaf uffiċjalment fil-gżejjer Maltin;
(b) li l-membri tal-Kumitat Ezekuttiv ikunu eletti demokratikament mill-membri affiljati; u, kundizzjoni importanti hafna,
(c) li jkun spjegat l-għan tal- klabb permezz ta’ statut approvat mill-membri.
Intalab ukoll li l-kuntratt isir f’żewġ ilsna, it-Taljan u l-Ingliz.
Mingħajr dubju il-Kumitat Eżekuttiv kien f’pożizzjoni li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha, tant li fl-24 ta’ Marzu 1976 sar il-kuntratt quddiem in-Nutar Joseph Cachia bl-Ingliż u bit-Taljan regolarment iffirmat mill-President tal-klabb Tony Dimech u mis-Segretarju Carmelo Vella.Fid-dokument tal-kuntratt naqraw li l-klabb twaqqaf fit-13 ta’ April 1975 għal dan il-ghan:
“for the purpose of fostering greater understanding between the supporters of Juventus FC s.p.a. of Torino, Italy and organising social and other activities between the same supporters resident in Malta.”
Il-kuntratt intbagħat Turin nhar is-27 ta’ Marzu 1976 u ftit jiem wara waslet il-konferma minn Turin li l-Juventus Club (Malta) kien ġie uffiċjalment rikonoxxut u registrat mac- Centro Cordinamento Juventus Clubs u ngħata n-numru uffiċjali 969. Hekk fl-ewwel sena tal-eżistenza tiegħu l-klabb kien kiseb rikonoxximent uffiċjali minn Turin.
Kien jonqos biss l-approvazzjoni ta’ statut tal-klabb. It-tfassil ta’ statut kien beda fl-1976 u baqa’ għaddej għal bosta xhur, sakemm imbaghad fit-13 ta’ Frar 1977 dan kien approvat mill- membri waqt Laqgħa Generali.
Aktar Ħidma
Miksub ir-rikonoxximent minn Turin, il-Kumitat kompla bil-ħidma tiegħu u għaraf l-importanza li l-klabb iżomn kuntatt dirett mal-membri billi jkunu mgħarrfa bl-attivitajiet u l-ħajja tal-klabb u kull informazzjoni utili dwar Juventus.
Ghalkemm il-ħolqa bejn il-Kumitat u l-membri kienet diga eżistenti permezz ta’ċirkolarijiet, xorta waħda nħasset il-ħtieġa li biex jintlaħaq dan il-għan l-ewwel prerogattiva kienet li tibda tigi ippubblikata rivista uffiċjali tal-klabb.
Minħabba r-riżorsi finanzjarji ferm limitati tal-klabb, kien deċiż li tibda tinħareg perjodikament newsletter. L-idea tal-Kumitat kienet li l-membri kellhom ikunu protagonisti attivi fil-process tal-għażla tal-isem tan-newsletter, kif ukoll kellhom iwasslu għall-holqien ta’ logo uffiċjali tal-klabb. Għaldaqstant saret kompetizzjoni bejn il-membri affiljati biex jipproponu disinn ghal-logo uffiċjali u jgħaddu s-suggerimenti tagħhom għall- isem tan-newsletter.
L-inizjattiva ntlaqgħet b’entużjażmu kbir mill-membri u f’Ottubru tal-1975 in-newsletter uffiċjali ngħatat l-isem ta’ Il-Juventin, Rigward l-għażla tal-logo, l-aktar disinn li ntogħġob għas-semplicità u l-originalità tiegħu kien dak tal-membru Peter Paul Bartolo. Il-pubblikazzjoni uffiċjali, Il-Juventn, bdiet toħroġ f’forma ta’ktejjeb żghir bi ftit paġni stensiljati u mibgħuta b’xejn lill-membri.
Wieħed irid jifhem li fin-nuqqas ta’ sede tal-klabb, ix-xoghol kollu tal-Kumitat, il-laqghat, il-programmi u t-tħejjijiet kollha kienu jsiru f’diversi postijiet il-Belt, fosthom fil-British Legion Triq Melita, f’bars żgħar, f’ Palazzo Caraffa, fiż-żewġ kazini ewlenin tal-Banda La Valette u King’s Own. Saħansitra saru laggħat fl-istudju tal-arti tal-mibki Kav. Gużè Galea (missier Charles Galea, wieħed mill-membri tal-ewwel Kumitat Eżekuttiv tal-klabb) fi Triq id-Dejqa, il-Belt li kien jislef mhux biss l-istudio tiegħu fejn kien ipitter iżda wkoll matul il-jum kien jilqa’ t-tesseramenti tal-membri fil-ħanut tiegħu stess fi Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta.
ikompli …