Allegri, Zidane jew …. ?by Aleandro Bartolo
Allegri jew Zidane? Fl-aħħar jumejn qrajna u smajna ħafna dwarhom. Diversi gazzetti, stazzjonijiet u siti qed jirrapurtaw li wieħed minnhom it-tnejn se jkun qed jieħu post Andrea Pirlo. Tard ilbieraħ filgħaxija ħarġet l-aħbar li Zidane ddeċieda b’mod definittiv li jitlaq lil Real Madrid (hemm anki rapport li rriżenja b’mod immedjat, għalkemm ma nafux x’sens jagħmel kieku dan kollu ladarba hu mhux se jkun qed jaħdem għal tim ieħor qabel Lulju). L-għidut hu li Allegri se jkun qed jinħatar kowċ ta’ Real Madrid. Ilna nafu li l-ewwel preferenza ta’ Allegri kienet li jieħu post Zidane, aktar milli jirritorna ma’ Juventus. Skont l-istess għidut Zidane se jkun qed jinħatar kowċ ta’ Juventus.
Nibqgħu ngħidu li għalissa dan kollu hu biss għidut u xejn iktar. Kif ktibna aktar kmieni dil-ġimgħa, illum hi ġurnata kruċjali għall-futur ta’ Juventus. Fil-fatt se jkun hemm il-laqgħa tal-Exor li matulha se jkunu diskussi diversi kwisjtonijiet marbutin mal-amministrazzjoni tal-klabb Juventin. Jekk verament se jkun hemm bidla fil-Presidenza u f’karigi oħra tal-klabb, dawn probabbli jkunu deċiżi llum. L-Exor mhix se tidħol fil-kwistjoni ta’ min se jkun il-kowċ. L-għażla tal-kowċ se tkun f’idejn il-President u d-diriġenti l-oħra. Nemmen li jekk Andrea Agnelli u Nedved se jkunu kkonfermati fil-karigi tagħhom, allura verament Zidane jew Allegri għandhom ċans jirritornaw ma’ Juventus. Madanakollu, jekk verament se jkun hemm bidla fil-Presidenza u f’karigi oħra, allura hu probabbli li l-għażla tal-kowċ jaf tkun differenti. Il-ġurnalisti bħalissa qed jirrapurtaw il-kuntatti li d-diriġenza attwali kellha u għandha ma’ xi kowċis. Biss jekk se jkun hemm bidla radikali, allura jista’ jkun li hemm kowċ ieħor miftiehem mad-diriġenti l-ġodda u l-ġurnalisti ma jaf xejn proprju għax ma jafux min se jkunu d-diriġenti l-ġodda.
S’issa huma biss supposizzjonijiet u xejn iktar. Illum suppost ikollha idea aktar ċara!
Matthew Scerri