Pirlo jaf jibqa’ jikkowċja fis-Serie A

Andrea Pirlo se jħalli lil Juventus wara sena biss. Vera li rebaħ is-Super Cup Taljan u l-Coppa Italia, imma rridu nammettu li r-riżultati miksuba minnu dis-sena kienu diżappuntanti għall-aħħar. Minkejja dan kollu, però, jidher li xi klabbs tas-Serie A għadhom jemmnu fil-potenzjal tiegħu bħala kowċ. Qed jissemmew ħafna Sampdoria u Sassuolo bħala l-klabbs fejn se jkun qed jaħdem is-sena d-dieħla. Ta’ min ifakkar li Pirlo fadallu sena oħra kuntratt ma’ Juventus u qed jissemma li l-Bianconeri se joffrulu somma flus biex itemm il-kuntratt qabel iż-żmien. Wara Pirlo jkun jista’ jiftaħ negozjati ma’ klabbs oħra.

Matthew Scerri

Allegri talab li jkunu mġedda l-kuntratti ta’ Chiellini u Dybala

Il-ħatra ta’ Allegri bħala kowċ ta’ Juventus se tkun qed tibdel l-istrateġiji u l-miri fis-suq tat-trasferimenti. B’mod partikolari jidher li Allegri talab li jkunu mġedda l-kuntratti ta’ Chiellini u Dybala. Spiss kellna rapporti li dat-tnejn kienu se jħallu lil Juventus, biss issa jidher li Allegri se jkun qed jibbaża fuqhom għall-istaġun li jmiss. It-tnejn li huma jħobbu lil Juventus u allura mhux suppost ikun hemm problemi kbar biex jinstab ftehim magħhom. Cherubini issa se jkun qed jiftaħ negozjati mal-aġenti tagħhom. Interessanti li naraw jekk verament huwiex se jirnexxilu jilħaq ftehim mal-aġent ta’ Dybala f’temp ta’ ftit ġranet għall-kuntrarju ta’ Paratici li kienu ilu sentejn jinnegozja mal-istess aġent.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (28 ta’ Mejju 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum it-28 ta’ Mejju 2021.

Allegri ffirma!

Dal-lejl Massimiliano Allegri ffirma l-kuntratt li se jorbtu ma’ Juventus għall-erba’ snin li ġejjin. L-aħbar uffiċjali se tingħata llum. Allegri s ejun qed jirritorna ma’ Juventus wara sentejn. Did-darba jidher li se jkollu rwol kemxejn differenti mill-passat hekk kif se jkun involut iktar fl-għażliet tal-plejers li se jinxtraw u jinbigħu.

Matthew Scerri

Riflessjonijiet fuq l-aħħar żviluppi fi ħdan l-ambjent Juventin

Ħallejt ftit ġranet jgħaddu mill-finali tal-Coppa Italia mirbuħa kontra l-Atalanta, fejn rajna l-iskwadra tagħna titrijonfa b’tieni taqsima milgħuba mill-aqwa u b’hekk stajna nifirħu bl-14 il-Coppa Italia fl-istorja tal-klabb glorjuż tagħna.  Kien hemm ukoll il-wirja stupenda li biha t-tim rebaħ b’ ċerta faċilita’ kontra Bologna b’logħob veloċi u vertikaliżżazjonijiet mill-aqwa, u b’Kulusevski f’vena straordinarja f’dawn l-aħħar logħbiet.  B’din ir-rebħa u bl-eventi li ġraw fil-grounds l-oħra, assikurajna l-kwalifikazzjoni għaċ-Champions League li jmiss propju kif kienu jiddeskrivu it-telekronisti Taljani ‘in zona Cesarini’ cioe’ fl-aħħar nifs.

Bl-eventi li ġraw, l-għada tal-logħba kont konvint u anke xtaqt ħafna li d-diriġenza tiddeċiedi li żżomm lil Pirlo u tagħtih ċans jiggwida lit-tim għall-istaġun li jmiss.  Nemmen li se jkun hawn min ma jaqbilx miegħi u jibqa jemmen li minħabba xi prestazzjonijiet mhux daqshekk tajbin bħall-partiti kontra Benevento (home u away), Crotone, Torino u anke oħrajn li ma semmejtx hawn, it-tim kellu joħroġ b’iktar punti minnhom biex anke jekk din is-sena ma kienx destinat li nirbħu l-iscudetto, almenu ma kienx ikollna bżonn niddependu minn riżultati ta’ timijiet oħra biex nassiguraw post fic-Champions League li imiss.  Il-konferma ta’ Pirlo ma waslitx u kif forsi kulhadd jaf, bejn illum u għada l-iktar tard, se jinħatar lura bħala kowċ Massimiliano Allegri li żgur ħalla legacy pożittiva u bit-tmexxija tiegħu irbaħna 11 il-tazza fil-5 snin li għamel magħna.  Hu żgur fatt li Allegri hu meqjus mill-President Agnelli bħala garanzija u forsi din wasslet biex jerġa jintgħażel hu bħala kowċ, anki biex jerġa jagħti stabilita’ u ottimiżmu lill-ambjent Juventin fil-ġejjieni l-aktar viċin.  Nittama li issa d-diriġenza tagħraf tagħti l-ikbar support lil Allegri biex jerġa jwassalna għall-unuri li rebaħ fl-ewwel era bħala kowċ tagħna.  Nittama wkoll li l-kampanja ta’ trasferimenti tkun għaqlija b’akkwisti fejn l-iktar it-tim għandu bżonn jissaħħaħ – fuq il-ġnub u b’mod speċjali f’nofs il-ground.

Nagħlaq billi nawgura l-ikbar ‘in bocca al lupo’ lil Max Allegri u ninsab fidiċjuż li jerġa jmexxina għas-suċċess bħal fl-ewwel era tiegħu mal-Juventus!

Insellmilkom bil-qalb, Juventini

Massimo Grioli

Allegatament Allegri aċċetta li jkun mill-ġdid il-kowċ ta’ Juventus

Juventus allegatament laħqu ftehim ma’ Massimiliano Allegri biex jerġa’ jkun il-kowċ tagħhom. L-aħbar għadha mhux uffiċċjali. Il-ftehim x’aktarx se jkun għal tlieta jew erba’ snin b’paga ta’ 9 miljuni fis-sena.

Matthew Scerri

Juventus lura għall-mudell amministrattiv ta’ sentejn ilu

Skont La Gazzetta dello Sport Juventus se jkunu qed imorru lura għall-mudell amministrattiv li kellhom sa sentejn ilu. Fl-aħħar sentejn Paratici kien qed ikopri prattikament żewġ karigi. Nafu li qabel Paratici kien jaħdem flimkien ma’ Marotta, b’dan tal-aħħar responsabbli aktar mill-aspetti amministrattivi. Bit-tluq ta’ Paratici, Juventus se jerġgħu jaqsmu l-karigi: Carnevali jew Arrivabene se jkun iċ-CEO, filwaqt li Cherubini se jkun Direttur tal-Isport, megħjun minn Tognozzi u Manna. Id-Direttur tal-Area Business se jkun Bertola.

Matthew Scerri

Cagliari mhux se jżommu lil Rugani

Id-Direttur tal-Isports ta’ Cagliari, Stefano Capozzucca stqarr li Daniele Rugani mhuwiex fil-pjanijiet ta’ Cagliari. Id-deċiżjoni hi marbuta ma’ kwistjoni ekonomika hekk kif Cagliari ma jaffordjawx li jixtru plejer bħal Rugani u jagħtuh il-paga li se jkun qed jitlob. Rugani għaldaqstant se jkun qed jirritorna ma’ Juventus għalissa.

Matthew Scerri

Allegri, Zidane jew …. ?

Allegri jew Zidane? Fl-aħħar jumejn qrajna u smajna ħafna dwarhom. Diversi gazzetti, stazzjonijiet u siti qed jirrapurtaw li wieħed minnhom it-tnejn se jkun qed jieħu post Andrea Pirlo. Tard ilbieraħ filgħaxija ħarġet l-aħbar li Zidane ddeċieda b’mod definittiv li jitlaq lil Real Madrid (hemm anki rapport li rriżenja b’mod immedjat, għalkemm ma nafux x’sens jagħmel kieku dan kollu ladarba hu mhux se jkun qed jaħdem għal tim ieħor qabel Lulju). L-għidut hu li Allegri se jkun qed jinħatar kowċ ta’ Real Madrid. Ilna nafu li l-ewwel preferenza ta’ Allegri kienet li jieħu post Zidane, aktar milli jirritorna ma’ Juventus. Skont l-istess għidut Zidane se jkun qed jinħatar kowċ ta’ Juventus.

Nibqgħu ngħidu li għalissa dan kollu hu biss għidut u xejn iktar. Kif ktibna aktar kmieni dil-ġimgħa, illum hi ġurnata kruċjali għall-futur ta’ Juventus. Fil-fatt se jkun hemm il-laqgħa tal-Exor li matulha se jkunu diskussi diversi kwisjtonijiet marbutin mal-amministrazzjoni tal-klabb Juventin. Jekk verament se jkun hemm bidla fil-Presidenza u f’karigi oħra tal-klabb, dawn probabbli jkunu deċiżi llum. L-Exor mhix se tidħol fil-kwistjoni ta’ min se jkun il-kowċ. L-għażla tal-kowċ se tkun f’idejn il-President u d-diriġenti l-oħra. Nemmen li jekk Andrea Agnelli u Nedved se jkunu kkonfermati fil-karigi tagħhom, allura verament Zidane jew Allegri għandhom ċans jirritornaw ma’ Juventus. Madanakollu, jekk verament se jkun hemm bidla fil-Presidenza u f’karigi oħra, allura hu probabbli li l-għażla tal-kowċ jaf tkun differenti. Il-ġurnalisti bħalissa qed jirrapurtaw il-kuntatti li d-diriġenza attwali kellha u għandha ma’ xi kowċis. Biss jekk se jkun hemm bidla radikali, allura jista’ jkun li hemm kowċ ieħor miftiehem mad-diriġenti l-ġodda u l-ġurnalisti ma jaf xejn proprju għax ma jafux min se jkunu d-diriġenti l-ġodda.

S’issa huma biss supposizzjonijiet u xejn iktar. Illum suppost ikollha idea aktar ċara!

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (27 ta’ Mejju 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum is-27 ta’ Mejju 2021.