Cavani mistenni jiffirma għal Atletico Madrid

Edison Cavani jinsab pass ‘il bogħod milli jsir plejer ta’ Atletico Madrid. Skont Sky fl-aħħar sigħat il-klabb Spanjol kellu diskussjonijiet intensi ma’ Cavani u l-partijiet resqu tassew qrib ftehim. Probabbli li fil-jiem li ġejjin għandha tasal il-konferma dwar dan kollu. Jekk verament Atletico Madrid jiffirmaw lil Cavani, allura jkun ifisser li Juventus ma jkunx fadlilhom avversarji fl-Ewropa għall-akkwist ta’ Suarez.

Matthew Scerri

Ftehim biex ikun itterminat il-kuntratt ta’ Higuain

Gonzalo Higuain iffirma l-ftehim ma’ Juventus biex il-kuntratt tiegħu jkun xolt b’mod konsenswali. Hu se jkun qed idaħħal 4 miljuni f’dal-ftehim. Jidher li hu issa jinsab diġà l-Amerka fejn se jkun qed jingħaqad ma’ Inter Miami.

Matthew Scerri

Suarez. Qed jingħad minn kollox

Jum ieħor ta’ stennija u tertieq il-qalb għas-supporters Juventini li qed jistennew żviluppi dwar Suarez. Illum kellna rollercoaster ta’ aħbarijiet. L-ewwel bdew Deportes Cuatro li taw l-aħbar li Suarez jippreferi jingħaqad ma’ Atletico, filwaqt li Morata jixtieq jirritorna ma’ Juventus. Imbagħad TV3 bdew jirrapurtaw li Koeman baqa’ sorpriż b’dak li ra mingħand Suarez waqt it-taħriġ. Imbagħad, tkellem il-ġurnalist Guillem Balague li sostna li jonqos biss dettall wieħed għat-trasferiment ta’ Suarez ma’ Juventus: il-ftehim bejn Suarez u Barcellona dwar is-somma li se titħallas lill-attakkant Urugwajan biex itemm il-kuntratt.

Matthew Scerri

Juventus jistgħu jirreġistraw lil Suarez anki wara l-5 ta’ Ottubru

Mil-lat tekniku, Juventus se jkunu jistgħu jirreġistraw lil Suarez wara l-5 ta’ Ottubru meta jagħlaq fl-Ewropa s-suq tat-trasferiment. Dan jista’ jsir biss jekk Saurez ikun xolja l-kuntratt ma’ Barcellona qabel did-data u allura jkun plejer fuq free-release. Id-data tal-5 ta’ Ottubru tgħodd biss għal dawk il-plejers li jkunu marbutin b’kuntratt ma’ klabb, filwaqt li plejers bla kuntratt ikunu jistgħu jingħaqdu ma’ klabb fi kwalunkwe mument tal-istaġun. Fi kliem ieħor jekk il-passasport idum ma joħroġ, Juventus xorta waħda għandhom il-possibbiltà li jirreġistraw lil Suarez. Mhux magħruf imma jekk it-trasferiment iseħħ wara l-5 ta’ Ottubru u allura Juventus ikunu laħqu taw il-lista tal-plejers lill-Uefa, ikunx possibbli għal Suarez li jilgħab għal Juventus fil-gruppi taċ-Champions League.

Matthew Scerri

PSG mhux se jixtru lil De Sciglio wara li kisbu lil Florenzi

Nistgħu ninsew li PSG se jixtru lil Mattia De Sciglio. Fil-fatt għadu kif tħabbar li PSG kisbu lil Florenzi mingħand Roma u dan awtomatikament jeskludi l-possibbiltà li huma jixtru lil De Sciglio wkoll peress li jilagħbu fl-istess pożizzjoni.

Matthew Scerri

Juventus offrew 50 miljun għal Morata

Skont Marca fis-sigħat li għaddew Juventus ressqu offerta ta’ 50 miljun għal Alvaro Morata. L-offerta ma ġietx milqugħa minn Atletico Madrid peress li huma xtrawh iktar minn hekk mingħand Chelsea. Barra minn hekk Atletico Madrid infurmaw lil Juventus li Morata se jitħalla jitlaq biss jekk titħallas il-penali ta’ 150 miljun Ewro li stipulata fil-kuntratt tiegħu biex ikun jista’ jittermina l-kuntratt qabel iż-żmien.

Matthew Scerri

Evviva l-injoranza!

Ħarġu aktar dettalji dwar il-każ tal-pożittività għall-Covid-19 min-naħa ta’ De Laurentis u għal darb’oħra kellna l-konferma taċ-ċarlataniżmu li jirrenja fost il-Presidenti tas-Serie A. Fil-fatt De Laurentis kellu s-sintomi u għamel it-test qabel il-laqgħa tal-Lega tas-Serie A anki jekk ir-riżultat kien għadu ma ħariġx. Minkejja li ħassu ma jiflaħx, hu mar xorta waħda għall-imsemmija laqgħa u allegatament beda jgħid lill-persuni l-oħra li kien qed iħossu ħażin minħabba li kiel wisq frott tal-baħar. Hemm ritratti tiegħu jasal għal-laqgħa fejn lanqas biss kien liebes il-maskra (ara ritratt hawn fuq). Hemm filmati fejn juru li lanqas felaħ joħroġ mill-karozza tant kien magħdur. Issa grazzi għall-aġir irresponsabbli tiegħu kulmin attenda l-laqgħa, li kienu prinċipalment Presidenti tal-klabbs tas-Serie A, jinsabu kollha f’iżolament u jridu jagħmlu t-test. Dan hu l-istess bniedem li ftit tas-snin ilu għamel teatrin minħabba li l-poloz tal-kampjonat, skontu, ġew ħażin għal Napoli. Dan hu l-istess bniedem li ħassar Napoli-Juventus bl-iskuża tal-maltemp meta kien hemm ix-xita f’Napli, sempliċiment għax il-plejers kienu għajjiena wara partita kontra Bayern Munich. Dan hu l-bniedem li jixba’ jgħajjar u jimla ras is-supporters ta’ Napoli li nsterqulhom il-kampjonati. Ma kienx kapaċi jiddelega lil ħaddieħor li jirrappreżenta lil Napoli fil-laqgħa tal-Lega? Possibbli hu biss ma jafx li l-awtoritajiet tal-dinja kollha ilhom jagħtu l-parir li min iħossu ma jiflaħx ma jersaqx lejn nies oħra? Il-veru jmissu jistħi! Żgur li Napoli u l-futbol Taljan jixirqilhom ferm aħjar minn hekk!!

Matthew Scerri

De Laurentis pożittiv għall-Covid-19

Il-President ta’ Napoli, Aurelio De Laurentis instab pożittiv għall-Covid-19. L-aħbar hi konfermata direttament mill-klabb ta’ Napoli. L-iswab test sarlu peress li ħa sehem f’laqgħa tal-Lega Calcio. Issa wieħed irid jara jekk, waqt l-imsemmija laqgħa, hu għaddiex il-virus lil xi ħaddieħor.

Matthew Scerri

Riskju ta’ tixrid tal-Covid-19 waqt laqgħa tal-Lega Calcio

La Repubblica żvelat li uffiċċjal għoli ta’ klabb tas-Serie A nstab pożittiv għall-Covid-19. S’issa mhuwiex magħruf min hu. Li hu ċert hu li dil-persuna ħadet sehem fil-laqgħa tal-Lega Calcio u jingħad li għal xi ħin ma kinitx liebsa l-maskra. Fi kliem ieħor hemm riskju kbir li hu għadda l-virus lil ħaddieħor. Intant La Repubblica qed tikteb li kulmin attenda għal-laqgħa tal-bieraħ, ġie infurmat bis-sitwazzjoni u mogħti l-parir jagħmel it-test.

Matthew Scerri

Filmat: It-training tad-9 ta’ Awwissu 2020