Fi ftit kliem x’qal il-President il-ġdidby Matthew Scerri
Illum bdiet uffiċjalment il-Presidenza ta’ Gianluca Ferrero. F’diskors qasir li għamel hu sostna li qed jassumi dil-kariga b’emozzjoni kbira u b’sens kbir ta’ kburija. Wiegħed li se jaħdem biex ikompli jkabbar u jgħolli ‘l fuq l-isem ta’ Juventus.
Fid-diskors ta’ ftit minuti tiegħu hu semma essenzjalment żewġ punti. Qabelxejn qal li s-supporters dejjem kienu l-qawwa u l-qalb tat-tim. Sostna li ltaqa’ ma’ ħafna supporters Juventini li huma mħassbin dwar il-ġejjieni tat-tim u allura ħass li kellu jserraħ ras is-supporters. Stqarr li hu se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex Juventus jibqgħu tim li jżommu l-livell għoli tiegħu, kemm ġewwa kif ukoll barra l-grawnd, kif dejjem kien.
It-tieni punt li semma kien dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-inkjesta Prisma. Wiegħed li Juventus se jkunu qed jiddefendu ruħhom. Tant hu hekk li l-Bord tad-Diretturi hu magħmul minn nies li għandhom l-esperjenza, il-kompetenza u d-determinazzjoni li jwieġbu quddiem il-giustizia sportiva u fil-Qrati Ċivili għal dak kollu li l-awtoritajiet se jkunu qed jitolbuhom jagħtu rendikont dwaru. Skont Ferrero Juventus se jiddefendu ruħhom b’determinazzjoni imma mingħajr arroganza għax Juventus jirrispettaw lill-awtoritajiet. Fl-istess ħin però appella li anki Juventus ikunu rispettati sabiex il-klabb ikun jista’ jispjega bid-dettall u fir-reqqa l-operat tiegħu fis-snin li għaddew.
Matthew Scerri