Ftit kunsiderazzjonijiet dwar il-motivazzjonijiet tas-sentenza tal-Collegio di Garanziaby Matthew Scerri
Il-Collegio di Garanzia tal-CONI ppubblika d-dokument li fih jagħti l-motivazzjonijiet tas-sentenza tal-20 ta’ April li għadda meta kien għamar li l-kawża kontra Juventus b’rabta mal-plusvalenze kellha terġa’ tinstema’. Id-dokument hu wieħed tassew twil (75 paġna!) u minnu nistgħu nisiltu xi punti tassew importanti.
Qabelxejn il-Collegio ta raġun lill-Prosekutur Chine’ u lill-Qorti tal-Appell tal-FIGC f’dak li għandu x’jaqsam mal-ksur sistematiku u ripetut min-naħa tal-uffiċċjali ta’ Juventus tal-prinċipi ta’ lealta’ sportiva kif stabbilit mill-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva. Għaldaqstant kien korrett li ġie applikat l-Artiklu 4. Il-Collegio, però, wasal għad-deċiżjoni li l-kawża għandha terġa’ tinstema’ minħabba li l-Qorti tal-Appell kienet naqset milli tiġġustifika l-piena ta’ tnaqqis ta’ 15-il punt lil Juventus fil-klassifika ta’ dis-sena. Il-fatt li naqsu milli jagħtu raġunijiet validi għal dit-tip ta’ piena kien nuqqas għax mingħajr dawk ir-raġunijiet ma setax ikun stabbilit jekk il-piena hix ġusta u ekwa għat-tip ta’ irregolaritajiet imwettqa.
Issa l-Qorti tal-Appell tal-FIGC għandha xahar biex tiskeda seduta ġdida u terġa’ taqta’ s-sentenza tagħha. Prattikament dan ifisser li suppost sa qabel it-30 ta’ Ġunju jkun hemm is-sentenza u l-piena li Juventus se jinħataw se tkun tgħodd dis-sena. X’se tkun il-piena, ovvjament, ħadd ma jista’ jkun jaf. Hu kważi żgur li se jerġgħu jitnaqqsu l-punti lil Juventus. Jekk, kif qed jirrapurtaw diversi gazzetti, il-punti mnaqqsa se jkunu 9 u mhux iktar 15, ikun interessanti ferm li naraw kif il-Qorti eventwalment se tiġġustifika dat-tibdil fid-deċiżjoni tagħha!
Wara li l-Qorti tal-Appell toħroġ is-sentenza tagħha, Juventus ikunu jistgħu jappellaw mill-ġdid quddiem il-Collegio di Garanzia tal-CONI u, f’każ ta’ konferma tas-sentenza, ikunu jistgħu jirrikorru għall-Qrati Ċivili (it-TAR). Ta min jgħid imma li t-TAR, l-istess bħall-Collegio di Garanzia tal-CONI, mhux se jidħlu fil-mertu tas-sentenza. Fi kliem ieħor Juventus ma jistgħux imorru quddiem it-TAR u jitolbu l-piena stabbilita mill-Qorti tal-Appell tal-FIGC tinbidel. It-TAR, bħall-Collegio di Garanzia, għandu l-funzjoni li jiċċertifika li l-kawża segwiet il-proċeduri legali kollha u ġew imħarsa l-prinċipji fundamentali tal-liġijiet Taljani.
Nagħlaq b’żewġ kunsiderazzjonjiet finali. L-ewwel nett mill-bieraħ stess bdew ħerġin ħafna kummenti ta’ avukati u nies esperti fil-qasam legali. Kif diġa’ kont ktibt qabel, il-vera problema mhix jekk dawk l-esperti għandhomx raġun jew le. Il-kwistjoni kollha, li milli jidher ħafna ma jridux jifhmu inklużi l-esperti, hi li l-ġustizzja sportiva taħdem b’mod totalment differenti mill-Qrati Ċivili. Il-ġustizzja sportiva għandha f’idejha l-jolly li jekk ma ssibekx ħati ta’ ksur ta’ regolament speċifiku, tista’ dejjem tirrikorri għall-Artiklu 4 tal-lealta’ sportiva, li hu kunċett tant vag u soġġettiv li diffiċli tiddefendi ruħek minnu. Il-patteġġament, li għal ħafna hu argument taboo, hu wisq probabbli l-aqwa arma difensiva li Juventus se jkollhom fil-kawżi l-oħra li mistennija jinfetħu kontrihom (il-manovra stipendi, it-tieni sett ta’ plusvalenze u l-partnerships ma’ klabbs oħra u l-aġenti). Il-patteġġament jintitolak għal skont ta’ nofs il-piena jekk isir qabel tibda l-kawża jew għal skont ta’ terz tal-piena jekk il-kawża tkun laħqet bdiet. La tgħaddi dejjem tagħhom, ikun iktar għaqli li tillimita d-danni u tagħlaq darba għal dejjem dal-kapitlu minflok noqogħdu nkaxkruh għal xi sena oħra. U min qed jaħseb li qatt se nġibuha żewġ mal-ġustizzja sportiva, naħseb li mhux qed ikun realistiku.
It-tieni punt hu li għalkemm il-Collegio di Garanzia tal-CONI ma kellux jidħol fil-mertu tas-sentenza, fil-verità spiċċa għamel hekk. Il-mod kif inhuma miktuba l-motivazzjonijiet tas-sentenza tal-Collegio di Garanzia, jikkundanna lil Juventus, jsostni t-teżi tas-sistema Juventus, jorbot idejn id-difiża u jqawwi l-pożizzjoni tal-akkuża. Prattikament il-Collegio di Garanzia qal lill-Qorti tal-Appell li Juventus għandhom jinstabu ħatja imma l-piena trid tkun spjegata sew. Juventus se jmorru quddiem il-Qorti tal-Appell biex jerġa’ jinstema’ l-każ iżda huma diġà kkundannati qabel tibda l-kawża. Biex ngħidu hekk il-Qorti tal-Appell trid biss tiddeċiedi x’se tkun il-piena!
Matthew Scerri