Fuq tlieta toqgħod il-borma!by Matthew Scerri
Anomaliji. Ejjew ma nużawx termini iktar ħorox biex niddeskrivu dak kollu li ħareġ illum.
Nibdew minn dak li nqala’ dal-lejl. Ngħid is-sew dalgħodu kif qomt sibt messaġġ mingħand ħabib tiegħi dwar aħbar li tant dehret inkredibbli li għall-ewwel m’emminthiex. Kien biżżejjed niftaħ ftit website tal-isports biex ninduna li din l-aħbar kienet vera, tant vera li kien hemm anki videos li jippruvaw mingħajr dubju l-aħbar. Prattikament Ciro Santoriello, li f’isem il-Procura ta’ Turin mexxa l-invetigazzjoni Prisma, fl-2019 waqt li kien qed jitkellem f’konferenza, ftaħar pubblikament li hu supporter ta’ Napoli u li jobgħod lil Juventus. Mhux hekk biss, qal: “Bħala Pubblico Ministero jien qabelxejn anti-Juventin”. Il-video aseb rah kulħadd issa. Li forsi ftit jaf li hu dakinhar stress, fl-istess konferenza, Santoriello kien stqarr pubblikament li wieħed jista’ jkollu kemm irid dubji dwar il-plusvalenze fittizji, imma li hu żgur hu li dan mhuwiex reat (ma jistgħux jitqiesu falso in bilancio). Tlieta-erba’ snin wara jidher li bidel fehemtu drastikament.
Il-gravità ta’ kliem Santoriello kien tali li l-Ministru tal-Isports kellu jistqarr pubblikament li rraporta l-każ lil min hu kkunċernat.
Però l-anomaliji ma jiqfux hawn. Aktar tard matul il-jum fuq Facebook, Twitter u Instagram ixxandru kummenti pubbliċi li Vincenzo Cesaro kiteb pubblikament f’April tal-2021 fuq is-social media. Hu jiftaħ li hu supporter ta’ Napoli u joħodha qatta bla ħabel kontra Juventus, il-Familja Agnelli, Ronaldo, eċċ. Cesaro hu parti mill-Collegio di Garanzia tal-Coni li quddiemu se jitressaq l-appell ta’ Juventus.
Fl-istess Collegio se jkun hemm anki Marcello De Luca Tamajo li fl-1995 serva għal ftit xhur bħala CEO u Direttur Ġenerali ta’ Napoli. Biex ngħidu kollox jidher li De Luca Tamajo jaf lil Allegri u pubblikament stqarr l-apprezzament tiegħu għalih.
Kif kitbet Agatha Christie: “One coincidence is just a coincidence, two coincidences are a clue, three coincidences are a proof”.
Fil-verità ma rridux ninsew lanqas l-intervista gravi ferm li l-Viċi-President tal-Collegio, Sandulli (l-istess wieħed li kkundanna lil Juventus fil-kawża ta’ Calciopoli quddiem il-ġustizzja sportiva) ta l-ġimgħa li għaddiet u li fiha ġġustifika l-15-il punt imnaqqsa lil Juventus.
Ma rridux ninsew lanqas li l-Prosekutur Chinè ilu żgur jaħdem għall-Procura Federale sa mill-2007, sena wara Calciopoli u kien fit-tim tal-Prosekutur ta’ dak iż-żmien, Palazzi, li ħadha kontra Juventus imma qagħad jistenna l-preskrizzjoni biex taparsi jieħu passi kontra Inter u Milan (li kienu mixlija bi ksur ta’ regolamenti, filwaqt li Juventus bħal dejjem instabu ħatja li kisru l-prinċipji ta’ lealtà sportiva.
L-istess nies, insomma, l-istess tattika, l-istess mod moqżież biex ikissru tim. Storja li għexna sbatax-il sena ilu u li qed terġa’ tiġri quddiem għajnejna. Fl-2006 u issa ma sabux provi li Juventus kisru xi regola u allura rrikorrew għall-Artiklu 4 biex jikkundannawna għal ksur tal-lealtà sportiva. Erġajna bl-istorja ta’ ħafna dnubiet żgħar li flimkien jagħmlu wieħed kbir ħafna.
Naħseb li huwa faċli li wieħed ibassar kif se jinqata’ l-verdett tal-appell!
Li hu tassew inkredibbli hu li nies li jokkupaw karigi daqstant important u li jafu li minn taħt idejhom se jgħaddu Juventus għal ġudizzju, ma jiddejqux jesprimu pubblikament il-mibegħda tagħhom għal Juventus. Ma jiddejqux lanqas juru ma min iżommu, anzi saħanistra Santoriello jasal jgħid “Come Pubblico Ministero sono anti-Juventino”.
Matthew Scerri