Futur inċert għal Chiesa ma’ Juventusby Matthew Scerri
Irridu nippreparaw ruħna għal sajf mimli spekulazzjonijiet li jikkonċernaw il-futur ta’ Federico Chiesa. S’issa diġa’ smajna u qrajna ħafna dwaru. Bħas-soltu rridu noqogħdu attenti għax mhux kulma jinkiteb hu bilfors veru.
L-uniċi żewġ fatti vera huma: (1) Chiesa għandu kuntratt li jorbtu ma’ Juventus sal-2025; u (2) hemm diversi timijiet interessati fih. Għandna nifhmu li Juventus se jagħmlu minn kollox biex iżommuh anki billi joffrulu kuntratt ġdid. Hu ovvju li Juventus mhux se joffrulu paga fenomenali minħabba l-policy li jżommu l-pagi baxxi. Jekk verament Chiesa qed jitlob paga ta’ 8 miljuni, naħsbu li se jkun diffiċli għal Juventus li jikkuntentawh (sakemm fit-8 miljuni ma jkunux inklużi l-bonuses kollha u allura l-ħaġa tiġi fattibbli). Il-fatt li l-kuntratt attwali ta’ Chiesa jintemm fl-2025, hu evidenti li jekk das-sajf Juventus ma jilħqux ftehim mal-attakkant Taljan għat-tiġdid tal-kuntratt, probabbilment ma jkollhomx triq oħra ħlief li jbigħuh bil-għan li jevitaw li jitilfuh b’somma baxxa ħafna s-sena d-dieħla jew b’xejn is-sena ta’ wara.
L-interess minn klabbs oħra hu reali. Ma jistax ikun altrimenti. X’qed joffru verament, hu diffiċli li nkunu nafu. Il-klabbs tal-Premier League jidhru li huma l-iktar interessati u lesti joffru somma kbira (madwar 60 miljun) għalih. Bħal dejjem ir-rieda tal-plejer se tkun deċiżiva. Jekk hu għadu jemmen fil-proġett Juventin, konvinti li se jibqa’. Mill-banda l-oħra jekk dak li qed joffrulu Juventus (u mhux qed nitkellmu biss dwar flus) mhuwiex biżżejjed għalih, allura rridu nirrassenjaw ruħna li nitilfuh.
Matthew Scerri