Għal ħafna hu tradiment, imma …by Aleandro Bartolo
Il-proġett tal-European Super League ilu jinħema bil-moħbi tal-Federazzjoni u tal-Uefa. Fix-xhur li għaddew kien hemm diversi laqgħat li raw lil Andrea Agnelli involut direttament. F’Settembru li għadda Andrea Agnelli u Zhang kienu marru f’Casa Milan biex uffiċjalment jitkellmu dwar strateġija komuni għas-Serie A. Probabbli imma li l-klabbs kienu qed jiftehmu bejniethom biex jieħdu sehem fis-Super League. Fid-19 ta’ Jannar li għadda, imbagħad, Florentino Perez kellu laqgħa ta’ tliet sigħat ma’ Andrea Agnelli fil-Continassa. Ħafna qed iqisu dik il-laqgħa bħala waħda deċiżiva biex titwaqqaf is-Super League.
Andrea Agnelli f’dawn is-sigħat qed ikun fiċ-ċentru tal-kritika ta’ dawk li huma kontra s-Super League. Fil-fatt hu, bħala President tal-ECA, kien qed jinnegozja mal-Uefa l-format il-ġdid taċ-Champions League wara l-2024. Andrea Agnelli għandu rabta ta’ ħbiberija personali mal-President tal-Uefa, Ceferin, tant li dan tal-aħħar kien il-parrinu tal-magħmudija ta’ bint Agnelli. Ħafna qed iqisu dan kollu bħala tradiment min-naħa ta’ Agnelli. Barra minn hekk skont xi esperti jista’ jkun ukoll li Juventus, Inter u Milan jaf kienu kontra li l-investiment funds Cvc-Advent-Fsi jiksbu 10% tas-Serie A proprju minħabba klawżola fil-kuntratt li ma kinitx tippermetti lill-klabbs li jieħdu sehem f’proġetti simili għas-Super League.
Tradiment, egoiżmu u ħafna termini negattivi oħra ntużaw fl-aħħar sigħat b’rabta mas-Super League. Il-mudell hu dak tal-business sportive Amerikan tipo l-NBA. Mudell li fl-Ewropa m’aħniex imdorrija bih u filwaqt li nifhem li kulħadd għandu idea kemxejn romantika tal-futbol, forsi wasal iż-żmien li nifhmu li l-klabbs jeħtieġu jibdlu dak kollu li tradizzjonalment drajna bih u li wassal biex il-klabbs il-kbar kollha jinsabu midjunin. Ma setax jibqa’ kollox kif kien qabel għax il-klabbs kienu bil-mod il-mod resqin lejn falliment finanzjarju. Forsi tajjeb li ndaħħlu f’rasna li aktar milli mossa egoistika, din hi fil-verità mossa biex jiġu salvati l-klabbs.
Matthew Scerri