Insellmu l-memorja ta’ Doris Scerriby Matthew Scerri
Il-President u l-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jixtiequ jsellmu l-memorja tal-għażiża Doris Scerri, mart il-President Onorarju u fundatur tal-Club tagħna, Manwel Scerri. Doris kienet mara eżemplari li fis-skiet u bi tbissima kbira fuq wiċċha għamlet ħafna ġid tul ħajjitha kollha. Kienet mara ta’ qalb kbira li tat kollox sabiex tara lil Manwel u lill-uliedha kuntenti. Wettqet ħafna sagrifiċċji għall-ġid ta’ ħafna persuni fil-bżonn. Hi kienet dejjem ta’ spalla għal Manwel f’kull okkażjoni, inkluż dak kollu li jikkonċerna lill-Club tagħna. Ftit xhur oħra se nkunu qed niċċelebraw il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Club tagħna u tajjeb li ma ninsewx li jekk il-Club tagħna wasal s’hawn kien grazzi u mertu anki għal nies bħal Doris li taw kontribut kbir dejjem f’dak kollu li kien meħtieġ.
Grazzi mill-qalb, għażiża Doris, ta’ kulma għamilt ma’ Manwel, uliedek, il-qraba u l-ħbieb tiegħek. Grazzi ta’ kulma għamilt magħna lkoll il-Juventini Maltin. Grazzi anki min-naħa tiegħi personali tal-imħabba li dejjem urejtni u talli stmajtni dejjem kważi daqs li kieku kont it-tifel tiegħek jien ukoll. Se nimmissjawk ħafna u nwegħduk li se nżommuk ħajja għal dejjem f’qalbna. Se nibqgħu nitolbu għalik u ċert li minn hemm fuq se tkompli tieħu ħsiebna lkoll, bħalma dejjem għamilt fis-snin li qattajt fuq din id-dinja.
Nagħtu l-kondoljanzi lil Manwel u lil uliedha Joseph u Marisa, flimkien mal-familji u l-għeżież tagħhom.
Strieħ fis-sliem, Doris!
Matthew Scerri