Is-soltu teatrin! Għad m’hemmx deċiżjoni dwar Genoa-Torino u Juventus-Napoliby Aleandro Bartolo
Il-Lega Calcio lbieraħ ma waslet għal ebda konklużjoni dwar jekk il-partiti Genoa-Torino u Juventus-Napoli għandhomx jitħassru jew le. B’mod partikolari kien hemm diskussjoni twila dwar Genoa-Torino hekk kif issa Genoa għandhom 15-il persuna infettata (11-il plejer u 4 persuni mill-istaff tal-kowċ). Jidher li Torino bdew jopponu li l-partita titħassar anki għax ir-regolamenti ma jgħidu xejn dwar dan kollu. Evviva l-isportività ta’ Torino, imma, li jridu li l-partita tintlagħab għax se jkollu l-vantaġġ li l-avversarji jkunu b’nofs tim. Genoa jidhru rrabjati ferm u uffiċċjali tagħhom stqarrew pubblikament li l-partita ma tistax tintlagħab peress li t-tim kollu jinsab taħt kwarantina. Illum il-Lega Calcio għandha tieħu d-deċiżjoni finali.
Intant illum ukoll il-plejers u l-istaff ta’ Napoli se jerġgħu jagħmlu swab tests. Kif għidna lbieraħ hu veru li s’issa kulħadd irriżulta negattiv, biss hu veru wkoll li l-esperti dejjem qalulna li jekk it-test isir kmieni wisq, il-virus ma jinqabadx. Apparti l-iswab tests tal-lum, se jerġa’ jkun hemm swab tests oħra s-Sibt filgħodu. Hu ovvju li jekk jinstab numru sostanzjali ta’ plejers ta’ Napoli pożittivi għall-Covid, anki Juventus-Napoli tkun fir-riskju li titħassar.
Matthew Scerri