Jibdew jaqgħu l-akkużi!by Matthew Scerri
Il-Procura ta’ Turin talbet li jkunu arkivjati l-akkużi fil-konfront ta’ Juventus li nħarġru invoices foloz b’rabta mal-hekk imsejħa plusvalenze fittizji. Prattikament intalab li wieħed minn kapiijiet tal-akkuża jaqa’ għal kollox peress li nstab li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ftehim ta’ tpartit ta’ plejers bejn Juventus u timijiet oħra, Juventus qatt ma ħarġu invoices foloz u lanqas ħadu vantaġġi f’termini ta’ taxxa. Il-ftehim kien isir biss bil-għan li l-accounts ta’ kull sena jkunu in regola mal-parametri tal-Fair Play Finanzjarju billi jkun hemm dħul li jkun irreġistrat b’mod immedjat fl-accounts ta’ dik is-sena partikulari, filwaqt li l-ħruġ jiġi mqassam fuq iktar minn sena finanzjarja waħda. Il-Procura ta’ Turin irrikonoxxiet li dan mhuwiex reat u li m’hemm xejn irregolari.
Infakkru li l-kawża tal-plusvalenze, li hi magħluqa darba għal dejjem quddiem il-Ġustizzja Sportiva, għadha tibda tinstema fil-Qrati Ċivili. Juventus u l-eks uffiċċjali tagħha huma mixlija b’diversi kapi ta’ akkuża. Wieħed mill-kapijiet tal-akkuża, għaldaqstant waqa, biss il-kawża se tkompli tinstema u l-eks uffiċċjali Juventini jridu jwieġbu għall-kapijiet l-oħra tal-akkuża, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-manovra stipendi u l-istqarrijiet għall-aħbarijiet mhux preċiżi li kienu nħarġu u li allegatament setgħu ingannaw lill-investituri u lis-suq tax-shares.
Matthew Scerri