John Elkann identifika s-suċċessur ta’ Andrea Agnelliby Aleandro Bartolo
Il-Presidenza ta’ Andrea Agnelli tidher riesqa lejn tmiemha. Fil-ġimgħat li għaddew ktibna ħafna dwar bidla fit-tmexxija tal-klabb. John Elkann u Andrea Agnelli, għalkemm kuġini, ma tantx imorru tajjeb flimkien. Elkann ilu s-snin jistenna l-mument opportun biex ineħħi lil Agnelli minn President ta’ Juventus. Ir-riżultati miksuba f’dan l-istaġun wittew it-triq għal dil-bidla u issa kellna ċ-ċirasa fuq il-kejk tas-Super League. Hu ovvju li wara li falla dal-proġett, Andrea Agnelli tilef parti kbira mill-kredibbiltà tiegħu fid-dinja tal-futbol u se jkun imwarrab minn ħafna Presidenti u Uffiċċjali oħra. Nemmnu li ħadem għall-ġid ta’ Juventus, biss f’dan l-istadju jaf ma jkollu ebda triq oħra ħlief li jwarrab. Minflok John Elkann lest jaħtar lil Alessandro Nasi bħala President ta’ Juventus. Nasi hu kuġin ta’ Elkann u ta’ Agnelli. Fost l-oħrajn hu anki Viċi-President tal-Exor. Fil-ħajja privata, Nasi hu l-partner ta’ Alena Seredova, l-eks sieħba ta’ Buffon.
Flimkien ma’ Andrea Agnelli x’aktarx se jkunu mwarrba anki niesu, jiġifieri Nedved u Paratici. John Elkann qed jaħseb li jġib lura lil Alessandro Del Piero bħala Viċi-President ta’ Juventus. Miegħu jaf ikun hemm anki David Trezeguet li għadu kif temm il-kors ta’ Direttur tal-Isports. Nifhmu li apparti Del Piero u Trezeguet, jaf ikun hemm il-ħatra ta’ diriġent ieħor ta’ esperjenza. Min hu għadu mhux magħruf.
Ir-rizoluzzjoni bdiet, insomma!
Matthew Scerri