Juventus jingħataw lura l-15-il punt (għalissa)by Matthew Scerri
Il-Collegio di Garanzia tal-Coni ddeċieda li l-kawża tal-plusvalenze fittizji għandha terġa’ ssir. Il-Collegio laqa’ għaldaqstant dak li talab l-Prokuratur Ġenerali, Taucer. Juventus, tajjeb infakkru, kienu qed jitolbu li s-sentenza tiġi annullata. Il-kawża trid issa terġa’ tinstema u eventwalment jista’ jkollna verdett ta’ natura oħra minn dak li kellna f’Jannar. Fi kliem ieħor Juventus jistgħu jinħelsu mill-akkużi jew, jekk jerġgħu jinstabu ħatja, ikunu kkundannati għal piena li tista’ tkun differenti minn dik ta’ Jannar (jistgħu jeħlu multa biss jekk ikun applikat l-Artiklu 31 jew inkella tnaqqis ta’ punti jekk ikun applikat l-Artiklu 4).
Kienu kkonfermati s-sentenzi a dannu ta’ Andrea Agnelli, Paratici, Cherubini u Arrivabene. Nedved kien meħlus mill-akkużi. Il-kawża li se terġa’ ssir trid tistabilixxi r-responsabbiltajiet tal-uffiċċjali u sussegwentement tiddetermina f’kien is-sehem ta’ Juventus f’din l-istorja kollha.
Il-Collegio di Garanzia għandu xahar biex joħrog id-dokument fejn jispjega għala ttieħdet din id-deċizjoni. Minn meta joħroġ dad-dokument, il-Ġustizzja Sportiva jkollha xahar żmien biex l-kawża tinstema. Ta min ifakkar ukoll li jekk is-sentenza tasal sat-30 ta’ Ġunju, din tkun tgħodd għal dan l-istaġun. Sentenza wara l-1 ta’ Lulju jkun ifisser li s-sentenza tkun tgħodd mill-istaġun li jmiss.
Intant għalissa Juventus ħadu lura l-15-il punt tagħhom u telgħu fit-tielet post tal-klassifika tas-Serie A b’59 punt, żewġ punti taħt Lazio u sittax-il punt taħt Napoli.
Matthew Scerri