Juventus jistennew lil Depay imma intant laħqu ftehim għal Milikby Matthew Scerri
It-trasferiment ta’ Memphis Depay ma’ Juventus m’għadux daqshekk ċert daqskemm kien maħsub ftit tal-jiem ili. Allegatament Depay qed jitlob paga ogħla lil Juventus minn dak li kien maqbul bejn il-partijiet fil-ġimgħat li għaddew. X’aktarx Depay għandu offerti mingħand Tottenham u Newcastle bil-konsegwenza li issa hu jista’ jitlob paga aħjar lil Juventus. Depay jibqa’ l-ewwel għażla ta’ Juventus, biss nafu kemm din id-diriġenza hi tal-punt u żgur li mhux se tippermetti sitwazzjoni fejn l-attakkant jitlob iktar minn dak li kien diġà aċċetta verbalment. Barra minn hekk Juventus għandhom id-dubji tagħhom dwar kemm jaqblilhom verament jiffirmaw lil Depya ladarba n-nefqa qed titla’ drastikament għal attakkant li fil-pjanijiet tal-klabb għandu jkun biss riserva. Għaldaqstant Juventus għamlu kuntatt ma’ O.Marseille u allegatament hem qbil magħhom għal Milik. O.Marseille lesti jisilfu lil Milik lil Juventus, bil-Bianconeri jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għal 10 miljuni s-sena d-dieħla. Barra minn hekk Milik lest jiffirma għal 3.5 miljun Ewro fis-sena. Issa rridu naraw x’se tkun il-mossa li jmiss. Probabbli li Juventus se jistennew jumejn-tlieta lil Depay bit-tama li hu jinżel mit-talbiet tiegħu personali. Jekk ikun hekk, u dejjem jekk Depay jinħeles mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, Juventus ikunu jistgħu jiffirmaw lill-attakkant Olandiż. F’każ kuntrarju, jiġifieri jekk Depay jibqa’ jitlob paga għolja wisq, allura Juventus jieħdu lil Milik.
Matthew Scerri