Kif se jkun imqassma l-karigi amministrattivi fi ħdan Juventusby Matthew Scerri
Għada jew it-Tlieta Juventus mistennija jħabbru li Cristiano Giuntoli ffirma kuntratt magħhom sal-2028. Hu se jkun il-Kap tal-‘Area Sport’ u se jkun responsabbli mit-timijiet kollha ta’ Juventus kemm il-kbar kif ukoll in-Next Gen u t-timijiet tal-youths.
Fi ħdan l-istruttura managerjali ta’ Juventus, Giuntoli se jkun qed ikollu fuqu lill-President Ferrero, liċ-CEO Scanavino u lid-Direttur Ġenerali Calvo li issa se jieħu ħsieb biss it-tmexxija amministrattiva u kummerċjali tal-klabb.
Fl-Area Sport se jkun hemm Giovanni Manna bħala Direttur għall-Isport tat-tim tal-kbar u se jibqa’ jkun hu li jmexxi n-negozjati għax-xiri u l-bejgħ tal-plejers.
Federico Cherubini se jibqa’ jaħdem għal Juventus minkejja s-sospensjoni. Xogħlu se jkun wara skrivanija jfassal il-proġetti għall-ġejjieni tal-klabb.
Marco Storari se jkun in charge mit-tim Next Gen, b’Claudio Chiellini jgħinu bħala Direttur għall-Isport. Id-Dipartiment tal-iscouting se jkun immexxi mill-ġdid minn Matteo Tognozzi u hawn ta’ min jgħid li Juventus beħsiebhom isaħħu l-iscouting b’aktar investiment ġewwa u barra l-Italja.
Niġu issa għas-settore giovanile jew aħjar it-timijiet tal-youths. Pessotto se jkun ikkonfermat bħala Kordinatur tat-timijiet kollha, filwaqt li Massimiliano Scaglia se jkun responsabbli amministrattivament mit-timijiet kollha miż-żgħar nett sal-Primavera.
Matthew Scerri